Sport Sport Ieħor

Table Tennis: Rachel Mifsud tkompli tikseb suċċess fi Franza

Fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet il-plejer tat-table tennis Rachel Mifsud, li tinsab tgħix fi Franza u li tilgħab ma’ Stade Clemontois, ħadet sehem fil-Puy-de-Dome Championship u kisbet riżultati mill-aqwa kemm għaliha personali kif ukoll għat-tim tagħha.

Fl-ewwel ġurnata ta’ kompetizzjoni Rachel Mifsud ħadet sehem fil-kategorija Senior Ladies fejn spiċċat fl-ewwel post fil-fażi tal-gruppi u baqgħet għaddeja sal-finali. Fil-finali hija ltaqgħet kontra Fabiola Poirer fejn sfat megħluba 3-2.

Din kienet logħba diffiċli ħafna għal Misfud fejn minbarra l-logħbiet li lagħbet qabel waslet sal-finali, fl-istess ġimgħa ħadet sehem f’kamp ta’ taħriġ intensiv ma’ plejers mill-Islovakja u għalhekk hija għelbet l-għajja fiżika u mentali biex kienet viċin li tirbaħ din il-kategorija.

Fl-istess ġurnata Rachel Mifsud ħadet sehem fil-Ladies Doubles flimkien ma’ Juli Restrepo fejn spiċċaw fit-tieni post wara li tilfu l-finali 2-3 bis-set deċisiv jispiċċa 10-12 favur l-avversarji.

Fl-aħħar nett il-Maltija ħadet sehem fil-kategorija Junior fejn hawnekk rebħet il-logħbiet kollha bil-finali tkun kontra Aurianne Annereau li Rachel Mifsud għelbitha 3-1.