Lokali Qorti

Yorgen Fenech iressaq is-16-il talba għal libertà proviżorja

Yorgen Fenech ippreżenta s-16-il talba għal libertà proviżorja fejn qed isostni li hu serva l-itwal żmien f’kustodja preventiva. Fir-rikors, ippreżentat fil-Qorti Kriminali, l-avukati ta’ Fenech innutaw li hu kien lest li jimxi ma’ kull kundizzjoni li kienet tinkludi ‘tagging’ elettroniku u house arrest f’residenza ‘l bogħod mill-kosta apparti li jiffirma f’għassa tal-Pulizija u garanziji oħra.

Fenech, li ilu taħt arrest preventiv minn meta tressaq il-Qorti f’Novembru 2019, jinsab akkużat b’kompliċità fil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Hu qal li ħames snin f’kustodja preventiva huma ekwivalenti għal sentenza ta’ ħabs u kien l-itwal żmien li qatt qattgħet persuna f’kustodja preventiva.

Hu nnota wkoll li għandu kondotta nadifa u li l-uffiċjal forensiku anzjan Gail Debono kienet qalet li l-imġieba tiegħu kienet “affidabbli u ubbidjenti”. L-aħħar talba tiegħu għall-ħelsien mill-arrest saret f’Awwissu tal-2023 u ġiet miċħuda mill-qorti, li qalet li għad hemm biża’ reali li jista’ jaħrab jew jindaħal fil-provi.

Dakinhar, il-Qorti tal-Appell Kriminali qalet li ċ-ċirkostanzi ppreżentati mill-Avukat Ġenerali li joġġezzjona għall-ħelsien mill-arrest ma nbidlux, u li kwalunkwe garanziji li Fenech jista’ jagħti ma ttaffix il-biża’ li jaħrab.

Ta’ min isemmi wkoll li Yorgen Fenech kien għamel talba għall-maħfra Presidenzjali, liema talba qatt ma ntlaqgħet. Fl-2022 qorti sabet li ċ-ċaħda ripetuta tal-libertà proviżorja ma kinitx qed tikser id-drittijiet ta’ Fenech. L-avukati Gianluca Caruana Curran, Marion Camilleri u Charles Mercieca iffirmaw ir-rikors.