Internazzjonali

Biden v Trump: Kollox qed jindika ‘tieni rawnd personali’ fit-taqtigħa intensiva għall-White House — b’Nikki Haley toħroġ mit-tellieqa bejn ir-Repubblikani

Il-President Amerikan u kandidat Demokratiku Joe Biden u r-rivali Repubblikan, Donald Trump, eks President tal-Istati Uniti, it-tnejn rebħu bi tkaxkira l-primarji ta’ nhar it-Tlieta għall-partiti rispettivi….Riżultat li, fl-istess ħin, jikkonferma li t-taqtigħa ta’ Novembru għall-White House se tkun ikkuntestata mill-ġdid bejn Biden u Trump — b’talaħħar jinsab determinat li jpatti għat-telfa kontroversjali li kien sofra fl-elezzjoni presidenzjali tal-2020.

Qabel il-vot tat-Tlieta – magħruf bħala Super Tuesday – fi 15-il Stat Amerikan  ftit kien hemm stennija għal xi sorpriża li setgħet tixħet dawl differenti fuq il-primarji.

U ftit wara li ħarġu r-riżultati, Nikki Haley, l-eks-Ambaxxatur Amerikan għan-Nazzjonijiet Uniti, issospendiet il-kampanja tagħha għan-nomina tal-Partit Repubblikan biex effettivament wittiet it-triq għal ‘rematch’ elettorali bejn Trump u Biden.

Nikki Haley kisbet rebħa sorpriża f’Vermont waqt il-proċess ta’ Super Tuesday iżda hi deċidiet li twarrab mit-tellieqa wara li kienet sofriet diversi disfatti umiljanti fil-konfront ta’ Trump u fejn baqgħet tinsisti biex tisfidah ‘sal-aħħar’.

Fil-fatt, il-kampanji tal-Partit Demokratiku u l-Partit Repubblikan kienu, ftit jew wisq, konklużi sa mill-bidunett, bil-President Biden ma jkollu lil ħadd  jikkuntestah b’mod sinifikanti . Min-naħa tiegħu Trump ma ħares lura fost l-isfida ta’ kandidati oħra veterani, inkluża Haley, li lkoll kellhom iċedu meta raw li l-eks President kien qed jibni vantaġġ insuperabbli.

Wara l-vot ta’ Super Tuesday, Joe Biden rebaħ il-primarji għan-nomina f’14-il Stat, kif ukoll fl-Istat ta’ Iowa,fejn in-nies ivvutaw bil-posta. Sadanittant, Biden tilef bi 11-il vot biss il-primarju fit-territorju ta’ American Samoa.

Donald Trump, fl-istess ġurnata, rebaħ 14-il primarju tar-Repubblikani biex kompla jkabbar il-vantaġġ tiegħu fuq Haley.

U ladarba dehret li Biden u Trump kienu se jikkonfrontaw lil xulxin għall-White House, iż-żewġ avversarji kbar mal-ewwel bdew bl-insulti u l-botti lejn xulxin – b’dan l-aġir mistenni li jkun irrepetut matul ix-xhur ta’ qabel l-elezzjoni.

Is-suċċessi f’Super Tuesday,sadanittant, ifissru wkoll li Biden u Trump rebħu l-appoġġ ta’ aktar delegati tal-partiti rispettivi qabel il-konferma uffiċjali li huma se jikkuntestaw għal darb’oħra kontra xulxin għall-Presidenza tal-Istati Uniti.