L-Ambaxxatur Ġermaniż għar-Renju Unit qal li pajjiżu ‘mgħandux għalfejn jitlob skuża’ għal nuqqasijiet – leak – tas-sigurtà li wasslu biex is-sorsi fir-Russja jinterċettaw il-kuntatti delikati bejn l-ogħla uffiċjali tal-Armata.
Miguel Berger, waqt li kien qed ikellem lill-programm Today tal-BBC Radio 4, spjega li xi ħadd mill-parteċipanti x’aktarx li uża linja telefonika li ma kenitx sikura u bir-riżultat li l-kuntatti setgħu jinstemgħu mir-Russi. Waqt dawn il-kuntatti, l-uffiċjali inkwistjoni kienu diskutew dettalji tal-allegati azzjonijiet militari tal-Britanniċi fit-territorji tal-Ukrajna.
Intant, l-Ambaxxatur Berger deher urtat għad-diskors tal-eks Segretarju tad-Difiża Britanniku, Ben Wallace, li qal li s-servizzi sigrieti tar-Russja ‘irnexxielhom jinfiltraw sew fil-Ġermanja’. Wallace sostna li l-Ġermanja ‘la hi alleata sikura u lanqas waħda li wieħed jista’ jorbot fuqha’ – b’Miguel Berger iwieġeb li r-Russja qed tittama li tara diżgwid ta’ dan it-tip bejn l-Alleati ewlenin tan-NATO.
Ingħad ukoll li l-Ministru Ġermaniż tad-Difiża, Boris Pistorius, ikkuntattja lill-Alleati ta’ pajjiżu biex jispjega l-pożizzjoni ta’ Berlin rigward il-leak inkwistjoni.
//= $special ?>