Lokali

Ġimgħa wara li ġiet ippublikata l-Inkjesta Pubblika ħadd għadu ma refa’ r-responsabbiltà politika

Ġimgħa wara li ħareġ ir-rapport tal-Inkjesta Pubblika, l-ebda Ministru fil-kabinett ta’ Robert Abela għadu ma refa’ r-responsabbiltà politika. Quddiem dan, il-Partit Nazzjonalista qed ikompli jappella biex dan iseħħ sabiex pajjiżna verament jassigura ġustizzja u nassiguraw settur ta’ kostruzzjoni sigur.

F’konferenza tal-aħbarijiet li saret mix-Shadow Ministers Jerome Caruana Cilia, Stanley Zammit u Ivan Castillo appellaw biex Abela u sħabu jieħdu bis-serjetà r-rakkomandazzjonijiet tal-Inkjesta Pubblika dwar il-mewta traġika ta’ Jean Paul Sofia. Dan hekk kif fl-aħħar xhur u snin rajna żieda ta’ inċidenti u mwiet f’siti ta’ kostruzzjoni.

Jerome Caruana Cilia qal li ma jistax ikun li ma kull inċident li jseħħ qisu xejn mhux xejn, bla ma jinbidel xejn.

Minn naħa tiegħu, Stanley Zammit appella biex il-Ministru għall-Artijiet, Stefan Zrinzo Azzopardi biex iwarrab mill-pożizzjoni tiegħu ħalli ma narawx iktar nuqqasijiet ta’ rieda politika li qed tħalli l-imwiet.

Quddiem ir-rakkomandazzjonijiet tal-Inkjesta Pubblika, Ivan Castillo qal li hemm bżonn li tittieħed azzjoni immedjata filwaqt li l-liġijiet jiġu implimentati.

Robert Abela għamel minn kollox biex ma ssirx l-Inkjesta Pubblika dwar Jean Paul Sofia – Inkjesta li tgħid ċar li l-Gvern għandu jerfa’ responsabbiltà tal-iżbalji ħoxnin li saru.