Il-Kap tal-gangs armati li qed joħolqu kaos u terrur sħiħ f’Port-au-Prince u bnadi oħra ta’ Ħaiti wissa li l-pajjiż għandu jegħreq fi gwerra ċivili jekk kemm-il darba l-Prim Ministru, Ariel Henry, jibqa’ iggranfat mal-poter.
It-twissija minn Jimmy Cherizier, imlaqqam ‘Barbecue’, saret magħrufa waqt li l-membri tal-gruppi armati taħt it-tmxxija tiegħu pruvaw jaħtfu l-kontroll tal-ajruport fil-kapitali bil-ħsieb li jwaqqfu lill-Prim Ministru milli jirritorna minn barra.
Dawn huma żmenijiet mill-aktar inkwetanti għall-poplu ta’ Ħaiti fost indikazzjonijiet li qed isiru l-massakri fit-toroq waqt il-ġlied bejn il-gruppi rivali – inklużi l-gangs ta’ Cherizier li huma armati aħjar mill-qawwiet għaz-zamma tas-sigurtà fil-pajjiż.
U l-inkwiet kompla jinfirex lejn bnadi oħra ta’ Ħaiti, fost rapporti dwar irvell fil-kumpless tal-ħabs ta’ Jacmel.
Il-vjolenza riżultat anki f’ammont sinifikanti ta’ refuġjati interno, b’Jimmy Cherizier – li jmexxi alleanza ta’ gruppi armati magħrufa bħala G9 – qed isostni li f’każ li Henry ma jirriżenjax, il-Ħaiti bilfors trid tispiċċa fi gwerra ċivili li twassal ukoll għal ġenoċidju.
L-alleanza armata ta’ Jimmy Cherizier, fl-aħħar jiem, infexxet f’dagħdigħa ta’ vjolenza karatterizzata bl-attakki fuq l-għasses tal-pulizija flimkien ma’ assedju fuq l-akbar żewġ kumplessi ta’ ħabs fil-pajjiż – u bir-riżultat li ħarbu eluf ta’ priġunieri perikolużi.
Il-vjolenza rrankat waqt li l-Prim Ministru Henry kien għaddej bi żjara fil-Kenja matul il-ġimgħa li għaddiet u bir-rapporti jiżvelaw li hu, fl-aħħar sigħat, kien qabad ajruplan minn New Jersey (fl-Istati Uniti) lejn Puerto Rico.
Jimmy Cherizier ilu jopponi lill-Prim Ministru mindu Henry ħa r-riedni tal-pajjiż mingħajr ma saret elezzjoni – u ftit wara l-assassinju tal-President ta’ Ħaiti, Jovenel Moise ,li kien seħħ f’Lulju tal-2021.
//= $special ?>