Lokali Qorti

Ħames snin ħabs talli seraq minn fuq anzjana waqt li kien b’sentenza sospiża

Kersten Camilleri ta’ 34 sena ġie kundannat ħames snin ħabs mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera wara li nstab ħati mill-Qorti tal-Appell li seraq anzjana f’Ħal Qormi u li wettaq dan ir-reat waqt il-perjodu operattiv ta’ sentenza sospiża.

ll-Qorti qalet li Camilleri nstab ħati li seraq minn fuq anzjana waħda mis-16-il waħda li hu kien qed jiġi akkużat li seraq diversi oġġetti tad-deheb minn fuq persunithom. Waħda biss tagħat diskrezzjoni tal-akkużat, il-bqija l-anzjani l-oħra ma tawx l-iċken prova li l-akkużat kien li wettaq is-serq fuqhom.

Huwa kien mixli li bejn l-2015 u l-2016 seraq 14-il ġiżirana u sitt pendenti minn fuq 16-il anzjana. Kien akkużat li wħud mir-reati twettqu b’mod vjolenti u li darab uħud minnhom b’mod ħafif. B’kollox huwa kellu 22 akkuża fosthom li żamm għandu ħwejjeġ misruqa, assoċja ruħu ma’ persuna oħra biex jagħmel reat, wettaq reat waqt sentenza sospiża u li sar riċediv.

Huwa kien tressaq il-Qorti fl-2023 iżda ma nstabx ħati minħabba nuqqas ta’ provi. Sar Appell mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali li argumenta li fost l-oħrajn f’serqa minnhom ġie ddentifikat mit-tatoo ta’ salib li għandu fuq għonqu.

Xehdu għadd ta’ Pulizija u anzjani vittmi li sfaw misruqa. Il-Pulizija qalu li kellhhom diversi rapporti ta’ serq ta’ ġiżirajjen minn fuq anzjani. Kien hemm żewġ każijiet minnhom li l-anzjani sfaw mitfugħa fl-art. Kien arrestat raġel li ammetta s-serq u kixef lill Camilleri bħala kompliċi tiegħu.

Diversi anzjani fil-Qorti qalu li ħadd minnhom ma kien għarfu minn wiċċu. Kien hemm min semma’ li kien liebes ġakketta blu iżda meta saru testijiet fuqha ma rriżulta xejn. Anzjana ta’ 82 sena qalet li kienet qed tistenna l-vann biex toħroġ ftit u mar raġel għall-għarrieda u ħatfilha waħda mill-ġiżirajjen li kienet liebsa. Fl-awla tal-Qorti l-vittma ma għarfitx lill-akkużat.

Mara ta’ 57 sena xehdet li kienet qed tistenna l-vann biex tmur tilgħab it-tombla u marru żewġ persuni minn warajha u serqulha l-ġiżirana. Din ukoll m’għarfirtx l-akkużat. Anzjana oħra qalet li mar fuqha raġel poġġiha wiċċha mal-ħajt u ġibdilha l-ġiżirana.

Każ ieħor ta’ anzjana kien li din sfat misruqa meta marret tiġbor in-neputija ta’ sitt snin mill-iskola f’Ħal Qormi. Qalet li l-aggressur kellu salib fuq għonqu u kien ilu jsegwiha. L-aggressur l-ieħor li ammetta qal li kien imur jisraq mal-akkużat u li kienu jisirqu l-anzjani għax dawn ma kinux jiġru warajhom. Kersten Camilleri għażel li ma jixhidx iżda fl-stqarrija lill-Pulizija ċaħad li seraq.

Il-Qorti tal-Appell qalet li minkejja kien hemm ħafna serq u wħud mill-anzjani weġġgħu ħadd minnhom ma għaraf lill-aggressur minn wiċċu. Qalet li kien hemm ċertu vittmi li taw deskrizzjoni tal-aggressur iżda kienet fqira. Innotat kif kienet mara waħda biss li qalet li l-aggressur kellu tatoo forma ta’ salib fuq għonqu.

Spjegat li l-Prosekuzzjoni bniet il-każ fuq provi indiretti. Il-Qorti tal-Appell sabitu ħati biss li seraq ġiżirana u pendent lill-anzjana f’Ħal Qormi. Dan wara li l-akkużat ingħaraf mit-tatoo fuq għonqu. F’dan l-isfond, il-Qorti laqgħet l-appell tal-Avukat Ġenerali u sabitu ħati ta’ serqa waħda minnhom u kkundannatu tliet snin ħabs. Hi sabitu ħati li wettaq dan ir-reat waqt sentenza ta’ sentejn ħabs sospiżi b’erba’ snin u għalhekk dawk is-sentejn daħlu fis-seħħ. B’kollox huwa ġie kkundannat ħames snin ħabs.