Internazzjonali

Il-Jemen: Vapur ieħor tal-merkanzija attakkat mill-milizji Houthi

L-ekwipaġġ ta’ bastiment tal-merkanzija fil-preżent qed ikun salvat minn dan il-vapur li ftit tal-ħin ilu ġarrab il-qilla ta’ splużjoni waqt li kien qed ibaħħar lejn il-Lbiċ tal-Jemen.

Kollox jindika li l-bastiment intlaqat minn missila sparata mill-milizji tal-Houthi fil-Jemen u li huma alleati kbar tal-Iran. L-istess milizji qegħdin jattakkaw il-vapuri li jgħaddu qrib tal-Jemen bħala turija ta’ solidarjetà mal-grupp Palestinjan Ħamas li qed jiġġieled gwerra ma’ Iżrael.

Dan l-attakk, intant, seħħ fil-Golf ta’ Aden u fost rapporti li l-bastimenti fil-qrib semgħu l-isplużjoni kbira filwaqt li raw id-dħaħen kbar telgħin mill-vapur inkwistjoni.

Il-moviment tal-Houthi, sadanittant, baqa’ ma kkummentax minkejja l-indikazzjonijiet kollha li l-bastiment kien spiċċa mira ‘ideali’ għall-milizji fil-Jemen