Ewropa Internazzjonali Lokali

Il-Kap tal-PN Bernard Grech f’laqgħa mal-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula Von Der Leyen

Hekk kif għaddej il-Kungress tal-Partit Popolari Ewropew f’Bucharest il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech kellu laqgħa mal-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula Von Der Leyen.

Matul din il-laqgħa tkellmu fuq suġġetti varji fosthom dwar kif l-għoli tal-ħajja qed taffetwa l-Ewropa b’mod speċjali lill-Malta. Dan apparti li tkellmu wkoll dwar il-gwerra li għaddejja bħalissa fl-Ukrajna fejn saħqu fuq l-importanza tal-paċi fid-dinja.

Propju ftit tal-ħin wara l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech kellu laqgħa mal-President tal-Parlament Ewropew u MEP tal-Partit Nazzjonalista Roberta Metsola fejn fost l-oħrajn awguralha għall-ħidma kontinwa tagħha favur il-paċi u favur is-sigurta. Dan filwaqt li Bernard Grech tkellem ukoll dwar il-pressjoni li qed issir mill-Partit Nazzjonalista sabiex tintrefa responsabbilta mill-Gvern ta’ Robert Abela wara dak li ħareġ fl-Inkjesta Pubblika b’rabta mal-mewt taż-żagħżugħ Jean Paul Sofia.

Intant, aktar kmieni matul il-jum il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kellu laqgħa wkoll mal-President tal-Grupp PPE fil-Kumitat Ewropew tar-Regjuni responsabbli mill-Kunsilli Lokali Olgierd Geblewicz fejn Bernard Grech tkellem dwar il-ħidma li qed issir mill-Kandidati kollha tal-Kunsilli Lokali f’isem il-Partit Nazzjonalista bil-għan li r-residenti jkollhom lokalitajiet li jixirqilhom.