Ewropa Lokali

Jingħata bidu għall-Kungress tal-PPE b’numru ta’ diskussjonijiet importanti

F’Bucharest, ingħata bidu għall-Kungress tal-Partit Popolari Ewropew fejn fost l-oħrajn qed jiġu diskussi d-diversi problemi li qed taffaċċja bħalissa l-Ewropa – fl-isfond tal-elezzjonijiet importanti illi se jsiru f’Ġunju li ġej.

F’kummenti lil Net News, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech spjega kif f’dan il-Kungress se jiġu diskussi diversi suġġett; fosthom kif trid tiġi indirizzata l-għoli tal-ħajja u l-importanza li n-nies joħrġu jivvutaw fl-elezzjoni tat-8 ta’ Ġunju.

Apparti minn hekk, dan l-istazzjon jista’ jikkonferma illi matul id-diskors li se jwassal fit-tieni jum ta’ dan il-Kungress, Bernard Grech mistenni jfakkar il-memorja taż-żagħżugħ Jean Paul Sofia.

Fil-bidu ta’ dan il-Kungress, il-President tal-Partit Liberali Nazzjonali fir-Rumanija qal li bħalissa l-Ewropa għaddejja minn perjodu diffiċli fost l-oħrajn bil-gwerra li għaddejja fl-Ukrajna. Huwa stqarr li din il-gwerra li issa daħlet fit-tielet sena tagħha ħalliet impatt fuq kulħadd – iżda l-ħidma ma tridx tieqaf.

Minn naħa tiegħu l-President tal-Partit Popolari Ewropew Manfred Weber qal li dan il-partit dejjem ħadem sabiex ikompli jsaħħaħ l-Ewropa. Dan filwaqt li saħaq li rridu nkomplu nikkumbattu it-theddida tal-populiżmu; b’mod speċjali f’dan il-perjodu diffiċli għall-Ewropa.

F’dan il-Kungress hemm numru ta’ mexxejja preżenti fosthom il-President tal-Parlament Ewropew u MEP tal-Partit Nazzjonalista Roberta Metsola, u l-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula Von Der Leyen.

Matul l-ewwel jum ta’ dan il-Kungress il-President Roberta Metsola tkellmet dwar il-ħidma tal-Parlament Ewropew matul il-Presidenza tagħha.

Dan apparti li saru numru ta’ diskussjonijiet dwar is-Sigurta, Difiża, is- solidarjetà inter-ġenerazzjonali, l-ekonomija kif ukoll ix-xogħol – fejn fost l-oħrajn tkellem is-Segretarju Internazzjonali tal-Partit Nazzjonalista Beppe Galea