L-istħarriġ Social Media Usage Trends li sar mill-Malta Chamber f’kollaborazzjoni mal-Misco fi Frar ta’ din is-sena sab li 96% tal-Maltin u l-Għawdxin, tal-anqas darba f’ġurnata jużaw l-internet, filwaqt li 87% ta’ dawk li wieġbu qalu li tal-anqas darba f’ġurnata jużaw xi pjattaforma ta’ midja soċjali.
Iktar minn qatt qabel, it-televiżjoni wera li qed jitlef l-interess ta’ dawk iżgħar fl-età, bl-użu tal-internet u tal-midja soċjali qed jiġbdu lejhom ikar persuni. Dan apparti li l-interess fl-aħbarijiet tradizzjonali u l-blogs naqas sew.
Minn dan l-istħarriġ ħareġ kif Whatsapp baqa’ fost l-iktar pjattaforma popolari fost il-Maltin skont 99% ta’ dawk li wieġbu is-survey. Warajh hemm Facebook (95%), Youtube (95%), u Messenger (94%) li żammew persentaġġ simili għall-istħarriġ li sar is-sena l-oħra. Minn naħa l-oħra, l-użu ta’ Twitter fost il-Maltin baqa’ pjuttost baxx.
Fejn jidħlu l-influencers, 70% tan-nisa qed isegwu x’qed jagħmlu l-influencers fuq il-pjattaformi tagħhom – speċjalment Instagram. Bi 30% biss tal-irġiel li jsegwuhom.
L-istħarriġ wera wkoll li tliet kwarti tan-nies li jużaw il-midja soċjali għażlu li jsegwu reklami ta’ prodotti jew servizzi. Bi 43% ta’ dawk li għandhom smartphone użaw apps għad-deliveries tal-ikel. U nnotaw ukoll żieda fl-użu ta’ apps li joffru mappa biex jiggwidawk kif tmur minn post għall-ieħor.
Dan apparti li iktar nies mhux biss qed jużaw pjattaformi online waqt il-ħin liberu tagħhom iżda anke biex iħallsu kontijiet u pagamenti oħra minflok jibgħatu ittri jew imorru personalment huma biex jagħmlu dan. Is-survey juri wkoll li x-xiri online huwa l-iktar popolari fost dawk ta’ età bejn il-25 u l-34 sena.
//= $special ?>