Erba’ żgħażagħ ingħataw probation u wieħed minnhom ġie ordnat jagħmel xogħol fil-kommunità wara li nstabu ħatja, fost l-oħrajn, li f’Jannar ta’ erba’ snin ilu żammew raġel kontra r-rieda tiegħu, u serqulu l-basket u l-mobile f’Ħal Għaxaq. Tlieta minnhom sawwtu lill-vittma u dan għaliex hu kien jixtri d-droga mingħand wieħed minnhom.
Il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit semgħet lill-prosekuzzjoni tgħid li l-każ seħħ fl-10 ta’ Jannar tal-2020 bejn it-3pm u l-5pm fi Triq is-Salib, meta l-vittma ra karozza riesqa lejh. Din waqfet quddiemu u ħarġu minnha tlieta mill-erba’ żgħażagħ, Jide Mallia, Joshua Sciberras u Jeremy D’Amato. Ir-raba’ akkużat, Keith Spiteri, ma niżilx.
Fil-Qorti ħareġ li t-tliet akkużati li niżlu għall-vittma daruh u ppruvaw idaħħluh fil-karozza iżda ħarbilhom. Mallia laħaq lill-vittma, beda jixxuttjah u waqqgħu fl-art. Il-vittma qala’ daqqiet bil-ponn u bis-sieq, u spiċċa bi tbenġil fosthom f’għajnu l-leminija u bi spalltu l-leminija żlugata. Huwa spiċċa biex ġarrab diżabilità permanenti ta’ 4%.
Il-vittma xehed li għandu l-vizzju tad-droga u li kien jixtri l-kokaina mingħand Mallia. Stqarr, li l-akkużati daruh għax kellu jagħti lil Mallia €800 iżda dawn tellagħhomlu għal €900. Sciberras, D’Amato u Mallia ġew mixlija u nstabu ħatja wkoll li weġġgħu gravi lill-vittma, li heddewh u li kisru l-paċi pubblika.
Huma tpoġġew taħt ordni ta’ probation għal tliet snin, u Mallia ġie ordnat jagħmel 50 siegħa xogħol fil-komunità, filwaqt li Spiteri tpoġġa taħt ordni ta’ probation għal sentejn. L-erba’ ġew ordnati jħallsu €750 fi spejjeż tal-Qorti, u nħarġet ukoll ordni ta’ trażżin favur il-vittma għal tliet snin. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Roderick Attard.
//= $special ?>