Lokali Unjoni Ewropea

Proposta ta’ Peter Agius favur il-gżejjer bħal Malta u Għawdex issir parti mil-Manifest tal-EPP

“Aħbar tajba għal Malta fl-Ewropa. Il-proposta li kont ressaqt biex il-Kummissjoni Ewropea teżamina aħjar l-impatt tal-liġijiet tal-UE fuq Malta qabel ma tressaq proposti ġodda issa ser tkun impenn ewlieni fil-manifest tal-Partit Popolari Ewropew.” qal l-kandidat MEP Peter Agius dwar l-adozzjoni tal-Manifest tal-Partit Poplari Ewropew (EPP) għall-elezzjonijiet Ewropej fil-Kungress tal-EPP llum.

F’messaġġ mill-kwartieri ġenerali tal-EPP, Agius, li serva bħala rappreżentant tal-PN fil-grupp ta’ ħidma tal-EPP dwar il-politika tal-UE, qal li l-liġijiet tal-UE, ta’ spiss ma jikkunsidrawx biżżejjed ir-realtajiet speċifiċi ta’ gżejjer bħal Malta.

“Dan rajnieh fuq ir-regoli tat-trasport, b’regoli ġodda tal-UE li jwasslu għal prezzijiet ogħla għall-Maltin għal transport bl-ajru, bil-baħar u trasport bit-triq. Malta ma jaqbilliex bl-approċċ ta’ one size fits all, speċjalment minħabba n-nuqqas tal-gvern attwali li jadatta dawn ir-regoli għall-bżonnijiet Maltin fin-negozjati tiegħu fil-Kunsill tal-Ministri. Ir-regoli Ewropej għandhom iqisu l-karatteristiċi differenti tal-istati membri mill-ewwel ġurnata, qabel ma jiġu proposti mill-Kummissjoni Ewropea.”

Il-manifest tal-EPP adottat illum mill-Kungress tal-EPP f’Bukarest issa jinkludi dispożizzjoni apposta li tindirizza din il-ħtieġa ta’ ġżejjer bħal Malta f’parti speċifika dwar il-koeżjoni reġjonali għall-Ewropa, li tagħti spinta lill-istandards tal-għajxien f’kull reġjun b’impenn ċar biex “… ittejjeb it-test tas-sussidjarjetà billi tevalwa l-impatt territorjali tal-leġislazzjoni l-ġdida tal-UE.”.

Peter Agius, li qabel kien kap tal-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta, enfasizza li “Fuq dan il-punt rridu nkunu b’saħħitna. Ma jistax ikollna sitwazzjoni fejn l-Unjoni tadotta liġijiet fi Brussell u aktar tard niskopru li dak li l-gvern Malti ffirma għalih mhuwiex fl-interess ta’ Malta. Irridu niżguraw li din ir-responsabbiltà titpoġġa wkoll fuq spallejn il-Kummissjoni Ewropea. Min-naħa tiegħi jien impenjat li nkompli l-iskrutinju attiv fuq il-gvern fid-deċiżjonijiet tiegħu meħuda fi Brussell, waqt li qed naħdem biex niżgura li d-deċiżjonijet tal-Ewropa jibqgħu jwasslu valur miżjud għal Malta.”

Dr Peter Agius qal li l-EPP mhux biss l-akbar grupp politiku fil-Parlament Ewropew iżda huwa wkoll l-aħjar rappreżentant fil-Kummissjoni Ewropea. Dan ifisser li wara l-elezzjoni tat-8 ta ‘Ġunju, l-EPP se jkun impenjat li jimxi mal-prinċipji fil-manifest tal-EPP li huwa ta’ importanza kruċjali għal Malta.

Dr Agius fakkar li waqt il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa, huwa kien talab lill-Kummissjoni Ewropea biex tqis l-hekk imsejħa “Il-Prezz tal-Insularità” fid-deċiżjonijiet tagħha, billi tagħti kas tal-bżonnijiet partikolari tal-gżejjer qabel ma tipproponi liġijiet ġodda li jolqtuhom.

Peter Agius enfasizza li tali studju tal-impatt territorjali kif issa qed jipproponi l-EPP huma ta’ importanza fundamentali għal Unjoni li tassew tirrispetta l-“unità fid-diversità” speċjalment għal reġjuni gżejjer bħalma hi l-gżira Għawdxija.