Lokali

Tispiċċa f’ħafna problemi minħabba xogħol ta’ kostruzzjoni biswit ir-residenza tagħha

Każ ieħor ta’ inċident biswit sit ta’ kostruzzjoni hekk kif fl-aħħar jiem, residenza fi Triq l-Iskola, f’Ħal Qormi ġarbet ħsarat estensivi f’kamra fuq in-naħa ta’ wara tal-binja – dan meta kien qed isir xi xogħol ta’ kostruzzjoni f’sit biswitha.

Qasmet l-esperjenza tagħha sid din id-dar, Charlotte Falzon illi qaltilna li tirringrazzja ‘l Alla li ma radmulhiex lil binha li sa ftit tal-ġimgħat qabel kien jaħdem f’din l-istess kamra – kamra illi iġġarfet meta  taw il-konkos lis-saqaf tal-binja li tmiss mar-residenza.

Din mhix l-ewwel darba li Charlotte għaddiet minn esperjenza simili hekk kif ftit tax-xhur ilu, l-istess parti tad-dar sofriet minn xi ħsarat kawża tax-xogħol li qed isir biswitha.

Meta seħħ l-ewwel inċident, Charlotte tkellmet mal-Perit tal-proġett li inizzjalment wiegħda li l-ħsarat kienu se jissewwew. Iżda issa, donnu l-Perit mar lura minn kelmtu.

Bħalissa l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol qed tinvestiga dan il-każ….għalkemm il-familja qaltilna li l-perit huwa wkoll membru tal-BCA.

Net News jinsab infurmat li x-xogħol f’dan is-sit partikolari qed isir bla ma saret insurance għad-dar ta’ Charlotte f’każ li jkun hemm ħsarat għal partijiet terzi, kif fil-fatt ġara fir-residenza ta’ din il-mara.