Wara li fis-sajf li għadda s-Sindku ta’ San Pawl il-Baħar Alfred Grima ħabbar li ma kienx se jikkontesta l-elezzjoni tal-Kunsill Lokali issa l-Viċi Sindku tiegħu, Carlos Zarb, iddikjara li mhuwiex beħsiebu jerġa’ jikkontesta l-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali li se ssir f’Ġunju li ġej.
Zarb, li huwa membru tal-Partit Laburista, kien l-iżgħar kandidat għall-Kunsilli Lokali fl-aħħar elezzjoni fl-2019 meta ta’ 17-il sena fejn kien kiseb it-tieni l-aktar voti f’San Pawl il-Baħar. Zarb qal fuq Facebook li kien ilu jikkunsidra l-futur tiegħu u tenna li jixtieq jiffoka fuq il-karriera legali tiegħu u qed jikkunsidra jfittex opportunità barra minn Malta.
Din l-aħbar tkompli mal-lista ta’ kandidtati u kunsilliera tal-PL li qegħdin jiddeċiedu li ma joħorġux għall-elezzjonijiet lokali. Zarb qal li jinsab sodisfatt b’xogħlu tul dawn l-aħħar ħames snin, Zarb qal ukoll fuq Facebook li jixtieq jiffoka fuq il-karriera legali tiegħu.
Is-Sindku Alfred Grima, f’ ’ntervista, mal-ġurnal The Malta Independent kien qal li l-kunsilli tilfu ħafna mill-awtonomija tagħhom u li xtaq jaqta’ aktar ħin mal-familja tiegħu. Huwa kien qal li sa ftit snin ilu, dan ma kienx il-każ u li dejjem kellu s-setgħa li jaħdem b’mod awtonomu iżda li din is-setgħa illum sfaxxat fix-xejn.
Grima spjega kif il-Kunsilli qed ikollhom ifittxu l-approvazzjoni minn entitajiet oħra għal kull ħaġa ta’ xejn u li dan ħataf ħafna mill-poter minn taħt idejhom. Huwa kien ukoll ikkritika wkoll iż-żieda fil-popolazzjoni f’Malta, speċjalment fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar, li splodiet fl-aħħar snin,
Grima kien sostna li ċ-ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) żgur mhumiex korretti. Iċ-Ċensiment tal-2021 sab li l-popolazzjoni ta’ San Pawl il-Baħar laħqet it-32,000 persuna li jfisser li prattikament irdoppjat f’għaxar snin.
Grima qal li huwa diffiċli biex jaċċetta dawn iċ-ċifri meta jinsab ċert li hemm tal-anqas 45,000 persuna jgħixu fil-lokalità. Semma wkoll kif l-iskola tal-Qawra, li fetħet fl-2020, kienet bdiet b’575 student iżda llum tospita aktar minn 925 student.
Hu kien tkellem ukoll dwar l-iżvilupp eċċessiv u wissa li jekk mhux se jittieħdu l-passi meħtieġa llum qabel għada, l-effetti negattivi se jkomplu jikbru. Is-Sindku spiċċa biex ammetta li l-problema “kardinali” hi waħda enormi u li lanqas jaf x’jista jsir biex il-pajjiż jaddotta ħarsa differenti lejn l-ippjanar.
//= $special ?>