Ewropa Lokali

“Dan huwa l-bidu ta’ era Ewropea ġdida” – Roberta Metsola fil-Kungress tal-PPE fir-Rumanija

“Dak li se jsir fix-xhur li ġejjin se jiddefinixxi l-ġenerazzjonijiet Ewropej li jmiss, u huwa f’idejn il-politiċi tal-Partit Popolari Ewropew li jridu jmexxu bi tmexxija bbażata fuq il-valur u jħeġġu lin-nies jivvutaw fl-elezzjonijiet ta’ Ġunju.”

Dan kien il-messaġġ ewlieni li wasslet il-President tal-Parlament Ewropew u MEP f’isem il-Partit Nazzjonalista Roberta Metsola waqt id-diskors tagħha fil-Kungress li ġie organizzat fir-Rumanija.

Il-President Metsola qalet li matul dawn l-aħħar snin affaċċjaw pandemija, gwerer, tranżizzjoni fl-enerġija, l-inflazzjoni fost affarijiet oħra. Hawnhekk, hija saħqet li minkejja dawn l-isfidi il-Partit Popolari Ewropew baqa’ jħaddan il-valuri u l-prinċipji tiegħu. 

Qabel l-elezzjonijiet ta’ Ġunju, hija ppreżentat il-viżjoni tagħha għal dak li rreferiet bħala ‘L-Era l-ġdida tal-Ewropa.’

Waqt id-diskors tagħha Roberta Metsola qalet li l-Ewropa kompliet tissaħħaħ minħabba d-deċiżjonijiet diffiċli li kellhom jittieħdu iżda l-Parlament Ewropew dejjem ħa azzjoni immedjata ma kull sfida li affaċċja fost l-oħrajn meta ittieħdet azzjoni fil-konfront tal-bidla fil-klima.

Hija qalet li l-Ewropa għaddejja minn tranżizzjoni u għalhekk trid tkompli l-ħidma sabiex ħadd ma jibqa’ lura fejn hija sostniet li trid tkompli l-ħidma fis-settur tal-agrikultura bil-għan li l-bdiewa jieħdu dak li jixirqilhom.

Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola aċċennat li d-demokrazija hija t-tweġiba għal dawk li jaraw il-Partit Popolari Ewropew bħala theddida u għalhekk dan huwa l-mument li se jiddefinixxi il-ġenerazzjoniojiet li jmiss.

Intant, matul it-tieni jum ta’ dan il-Kungress diversi mexxejja Ewropew esprimew l-appoġġ tagħhom għall-Presidenza ta’ Roberta Metsola fosthom Ursula Von Der Leyen, Manfred Weber u Antonio Tajani.