Kultura Lokali

Espożizzjoni tal-Kurċifiss Mirakoluż u tar-Relikwa tad-Demm ta’ San Franġisk t’Assisi

Nhar il-Ġimgħa 15 ta’ Mejju 2024, fil-Knisja Santa Marija ta’ Ġesù tal-Belt Valletta (Ta’ Ġieżu) tal-Patrijiet Franġiskani se ssir espożizzjoni unika tal-Kurċifiss Mirakoluż, magħruf bħala Ta’ Ġieżu, flimkien mar-Relikwa tad-Demm ta’ San Franġisk ta’ Assisi. Il-Kurċifiss u r-Relikwa, għall-ewwel darba flimkien, se jkunu esposti għall-qima tal-pubbliku fuq l-artal maġġur bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet li matulhom l-Ordni Franġiskan qiegħed ifakkar it-800 anniversarju mill-għoti tal-pjagi lil San Franġisk t’Assisi.

Dakinhar, mis-seba’ ta’ filgħodu sa nofsinhar se tkun iċċelebrata Quddiesa kull siegħa, b’dik tal-10:00am se tkun immexxija mill-Arċisqof Charles J. Scicluna. Il-knisja se tibqa’ miftuħa sat-8:00pm, b’Quddiesa tiġi ċċelebrata wkoll fil-5.00pm u oħra fis-6.15pm mmexxija mir-Rev. Gwardjan Patri Ramon Farrugia.

Saċerdoti se jkunu disponibbli għas-Sagrament tal-Qrar matul il-ġurnata kollha. Matul il-ġurnata ta’ din l-espożizzjoni, se jkunu qed jitqassmu santi b’biċċiet tat-tajjar mimsusa ma’ dan il-Kurċifiss mirakoluż. Matul l-istess ġurnata, il-pubbliku se jkollu ċans igawdi wkoll ix-xogħol ta’ restawr li qiegħed isir fuq l- opri ġewwa kif ukoll fuq barra ta’ din il-knisja.

l-Kurċifiss ta’ Ġieżu nħadem fis-seklu 17 u wara l-aħħar xogħol ta’ restawr u konservazzjoni kien ikkonfermat li nħadem mill-artist Sqalli Fra Innocenzo. Jingħad li l-istess artist ħadem total ta’ 33 Kurċifiss, wieħed għal kull sena tal-ħajja ta’ Kristu.

Dan il-kurċifiss huwa devot ħafna u mijiet ta’ nies jirrikorru biex jitolbu quddiemu kull sena. Jolqot fih id-dettalji tal-passjoni, fosthom xewka, mill-kuruna, li tinfed il-kappell tal-għajn. L-aħħar li l-Kurċifiss inħareġ fil-Knisja kien fl-2022, meta flimkien max-xbieha tad-Duluri kien inħareġ pellegrinaġġ fi żmien it-tmiem tal-pandemija tal-Covid-19 u b’talb għall-paċi fid-dinja. Ir-Relikwa tinkludi parti minn garża mċappsa bid-demm li l-patrijiet kienu jużaw biex idewwu l-pjagi ta’ San Franġisk.