Lokali

“Il-Gvern tal-Labour ma jagħtix garanzija u jġib aktar inċertezza dwar il-pensjonjiet tal-lum u ta’ għada” – PN

Mal-Partit Nazzjonalista mbux biss il-pensjonijiet huma garantiti imma anke l-benesseri tal-familji Maltin u Għawdxin kollha

In-nuqqas ta’ assigurazzjoni ta’ Michael Falzon fil-konfront tal-pensjoni f’20/30 sena oħra tkompli titfa’ dell ikrah fuq kemm il-Gvern Laburista hu bla pjan għall-futur ta’ pajjiżna.

Dak li qal il-Ministru Michael Falzon ilbieraħ, fejn ma tax assigurazzjoni li 20/30 sena oħra, l-anzjani ta’ dak iż-żmien se jkollhom pensjoni minħabba nuqqas ta’ dħul ta’ bolli mħallsa, joħroġ ċar li l-Gvern Laburista, wara li pprova jiġġustifika ż-żieda tal-popoluzzjoni f’pajjiżna billi qal li grazzi għal dawn il-ħaddiema kollha se jkun hemm garanzija fil-pensjonijiet, issa joħroġ ċar kemm kollox kien kastelli fl-arja, gidba u bla pjan.

Joseph Muscat kien qal, u anke issa Robert Abela, li l-pensjonijiet huma garantiti grazzi għall-preżenza ta’ dawn il-persuni f’pajjiżna. Għal darba oħra, il-Partit Laburista jinqabad jigbed mal-poplu.

Bid-dikjarazzjoni tiegħu, il-Ministru wera li wara 10 snin fit-tmexxija u għalkemm fl-aħħar Budget tkellem dwar is-sostenibbiltà tal-pensjoni, joħroġ ċar li m’għandu l-ebda idea u soluzzjoni. Minflok, qed iwaħħal fil-Maltin li jdumu ma jmutu u li qed jitwieldu ftit. Għal darba oħra, il-Gvern qed jipprova jilgħabha ta’ Pilatu u jwaħħal f’ħaddieħor minflok fih innisfu għall-problemi u n-nuqqasijiet li ħoloq hu stess.

Li kieku ma jkunx hemm min jitħanżer bl-eluf, li kieku ma ttieħdux l-€400 miljun minn ħalqna fl-iskandlu tal-isptarijiet, li kieku €3.8 miljun ma ntefqux fil-Film Festival fejn preżentatur tħallas €150,000 għal sagħtejn u jekk il-Gvern jieqaf iberbaq flus il-poplu, il-fond tal-pensjonijiet hu aħjar. Iżda jidher ċar li l-prijoritajiet tal-Gvern huma ħżiena għall-poplu u tajbin biss biex jaġevola lil tal-qalba.

Il-Partit Nazzjoanlista se jkompli l-ħidma tiegħu favur l-anzjani tagħna, ta’ issa u ta’ għada. Mal-Partit Nazzjonalista, mbux biss il-pensjonijiet huma garantiti, iżda anke l-benesseri tal-familji Maltin u Għawdxin kollha.

Dan intqal fi stqarrija minn Ivan Bartolo x-Shadow Minister għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli, il-Pensjonijiet u l-Ġlieda Kontra l-Faqar, Albert Buttigieg x-Shadow Minister għall-Familja u s-Sigurtà Soċjali u Paula Mifsud Bonnici x-Shadow Minister għall-Anzjanità Attiva.