Il-Partit Nazzjonlista jilqa’ b’sodisfazzjon li, wara li l-Awtorità tal-Ippjanar ħarġet il-permess skandaluż għall-iżvilupp fiz-żona tat-Tempji Megalitiċi tal-Ġgantija f’Għawdex, 157 metru biss ‘il bogħod minnhom, issa għamlet l-aħjar pass li setgħet tagħmel u rrevokat il-permess, filwaqt li rreferietu biex jerġa’ jiġi assessjat.
L-Awtorità tal-Ippjanar għamlet straġi sħiħa meta approvat il-permess, anke jekk kienet taf li l-iżvilupp biswit il-Ġgantija se jsir fiz-zona ta’ protezzjoni ta’ din l-istruttura eqdem mill-piramidi u li qabel tiddeċiedi, kellha d-dmir li ssaqsi biex isir u tanalizza rapport dwar ir-riskji ta’ impatt mill-iżvilupp fuq dan il-wirt dinji u l-madwar.
L-Awtorità tal-Ippjanar, il-Heritage Malta u s-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali rreaġixxew biss wara r-reazzjoni tal-Partit Nazzjonalista u tad-diversi għaqdiet ambjentali li semmgħu leħinhom fil-konfront tal-iżvilupp skandaluż fiz-zona tat-Tempji Megalitiċi tal-Ġgantija f’Għawdex, li huma protetti mill-UNESCO bħala patrimonju ta’ wirt dinji.
Il-Partit Nazzjonalista jenfasizza biex il-Gvern jagħmel dak li tobbligah il-Liġi u jiżgura ruħu li l-awtoritajiet ikunu infurmati bid-direzzjonijiet strategiċi tal-Gvern u jwettaq monitoraġġ fuq l-eżekuzzjoni xierqa ta’ tali policies.
Hu meħtieġ li, kif stqarret l-Inkjesta Publika dwar il-mewt ta’ Jean Paul Sofia, “il-PA trid taġġorna l-metodi, il-policies, il-proċessi tagħha sabiex l-iżvilupp tas-settur tal-kostruzzjoni sa fl-aħħar jagħmel sens. Meta l-iżvilupp jitħalla jiġri waħdu, xi mindaqqiet bi proġetti kbar jiġu awtorizzati f’lokalitajiet ġeografikament limitati, ir-riskju li kollox jgħaddi, inkluż is-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema u tat-terzi, jikber bil-bosta.” L-istess riskju jeżisti wkoll għall-patrimonju kulturali u storiku.
Il-Partit Nazzjonalista hu ddeterminat ikompli jfittex l-interess tal-ġid komuni, il-protezzjoni u s-salvagwardjar tal-wirt nazzjonali, filwaqt li se jkompli jaħdem bi sħiħ biex dan iseħħ b’mod sħiħ.
Il-Partit Nazzjonalista hu konvint li pajjiżna għandu bżonn tmexxija ħafna aktar serja u integra biex verament l-interess ta’ Malta u Għawdex jinġieb qabel kull interess ieħor u fejn il-patrimonju ta’ wirt nazzjonali ta’ pajjiżna ma jkunx ipperikolat iżda protett ħalli jkompli jitgawda mil-ġenerazzjonijiet ta’ għada.
Dan intqal fi stqarrija minn Julie Zahra x-Shadow Minister għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Kultura u Stanley Zammit x-Shadow Minister għall-Ippjanar u l-Artijiet.
//= $special ?>