Ewropa Lokali

Diversi Mexxejja Ewropew b’appoġġ għall-Presidenza ta’ Metsola waqt il-Kungress tal-EPP

Waqt it-tieni jum tal-Kungress tal-Partit Popolari Ewropew diversi mexxejja taw l-appoġġ assolut tagħhom lil Roberta Metsola għal terminu ieħor bħala President tal-Parlament Ewropew.

Fost l-oħrajn waqt id-diskors tiegħu l-President tal-PPE Manfred Weber wera fiduċja fil-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola hekk kif qal li jittama li Roberta Metsola tikkunsidra terminu ieħor bħala President tal-Parlament Ewropew. Dan filwaqt li sostna li Metsola dejjem ġabet il-valuri tal-Partit Popolari Ewropew l-ewwel u qabel kollox filwaqt li kompliet issaħħaħ l-Ewropa.

Barra minn hekk, waqt id-diskors tiegħu huwa qal li fl-aħħar snin il-PPE għadda minn żmien diffiċli fosthom il-pandemija tal-COVID-19 kif ukoll il-Gwerra fl-Ukrajna.

Weber saħaq li l-Partit Popolari Ewropew huwa l-futur tal-Ewropa speċjalment meta eluf ta’ persuni għandhom fiduċja f’dan il-partit li kiseb tant suċċess. Huwa qal ukoll li dan il-partit dejjem kien fuq quddiem fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u hawnhekk semma numru ta’ eżempji fosthom l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia taħt il-Gvern ta’ Joseph Muscat.

Il-President tal-PPE qal ukoll li dan il-partit qed jipproteġi l-futur tal-Ewropa fost l-oħrajn meta ħadu azzjoni fil-konfront tal-bidla fil-klima. Hawnhekk huwa wiegħed li l-Partit Popolari Ewropew se jkompli joħroġ bis-soluzzjonijiet għad-diversi problemi li qed taffaċċja l-Ewropa.

Intant, matul it-tieni jum tal-Kungress se jkun ikkonfermat il-kandidat ewlieni għall-Presidenza tal-Kummissjoni Ewropea.