Ewropa Internazzjonali Lokali

“Irridu nkomplu nkunu l-vuċi għall-persuni vulnerabbli” – Bernard Grech

“Irridu nkomplu nkunu l-vuċi għall-persuni vulnerabbli, irridu naċċertaw li dejjem issir ġustizzja sabiex kulħadd ikollu kwalita ta’ ħajja aħjar.”

Sostna dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech hekk kif indirizza l-Kungress tal-Partit Popolari Ewropew il-Ħamis filgħodu fir-Rumanija.

Waqt id-diskors tiegħu Bernard Grech qal li l-Ewropa flimkien ma’ Malta qed taffaċċja diversi sfidi fost l-oħrajn l-għoli tal-ħajja u l-bidla fil-klima. Huwa saħaq li l-Partit Popolari Ewropew ħadem qatigħ bil-għan li jindirizza dawn l-isfidi.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-Gwerra fl-Ukrajna li issa daħlet fit-tielet sena tagħha uriet ir-reżiljenza tal-poplu Ukren hekk kif għadhom sal-lum jiġġieldu l-qawwiet Russi bil-għan li ma jitilfux pajjiżhom.

Apparti minn hekk, Bernard Grech semma lill-omm Jean Paul Sofia fejn sostna li hi kienet ta’ ispirazzzjoni kbira għal Malta għaliex minkejja l-isfidi li affaċjat hija b’determinazzjoni kbira baqgħet taħdem sakemm il-Gvern ta’ Robert Abela ħatar Inkjesta Pubblika. Dan filwaqt li spjega l-ħidma tal-Partit Nazzjonalista sabiex issir ġustizzja għal Jean Paul Sofia fejn hawnhekk f’dan il-punt tad-diskors sellem il-memorja ta’ dan iż-żagħżugħ li tilef ħajtu wara li ġġarrfet binja f’Diċembru tal-2022.

Intant, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista rringrazzja lill-President tal-Parlament Ewropew u MEP tal-Partit Nazzjonalista Roberta Metsola kif ukoll lill-MEP f’isem il-Partit Nazzjonalista David Casa għall-ħidma tagħhom matul dawn l-aħħar snin.

Kungress PPE