Lokali

Joseph Muscat u Agius Saliba jżidu l-pressjoni fuq Robert Abela

Agius Saliba jistieden lill-eks Prim Ministru għall-Campaign Rally

Tissokta l-battalja interna fi ħdan il-Partit Laburista bejn il-klikka ta’ Robert Abela u dik tal-predeċessur tiegħu Joseph Muscat. Dan hekk  kif filwaqt li fl-aħħar jiem Muscat xeħet il-ballun f’saqajn Abela biex jiddeċiedi jekk iħallihx joħroġ bħala kandidat għall-Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew jew le … issa jidher li tbexqet daqsxejn oħra t-tieqa biex jidħol lura fix-xena politika.

Fil-fatt, l-eks Prim Ministru li kellu jirriżenja mis-siġġu tal-poter wara l-kriżi politika li ħakmet il-pajjiż lejn l-aħħar tal-2019, mistenni jindirizza rally tal-MEP Alex Agius Saliba fi Pjazza Tritoni.

Flimkien ma’ Muscat, se jkunu qed jindirizzaw lin-nies, il-Ministru Ian Borg, li għadu qed jaħrab mill-ġurnalisti biex iwieġeb fuq l-iskandlu ta’ Transport Malta….u l-Ministru Silvio Schembri, li għadu ma refa ebda responsabbiltà politika wara l-pubblikazzjoni tal-inkjesta Sofia.

Fl-aħħar ġimgħat f’intervista ma’ Andrew Azzopardi Robert Abela kien ċar meta stqarr li lil Muscat ma jistax jgħidlu le jekk juri l-interess fil-kandidatura għall-Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew – rwol li diġà qeda qabel l-2008.

Realtà li kull ma tmur qed tidher bħala waħda possibbli speċjalment wara li l-mara tal-eks Mexxej tal-Labour, Michelle Muscat saħqet li hija t-tmexxija tal-Partit li tiddeċiedi – u ammettiet li Joseph Muscat qed jinteressa ruħu.

Għaldaqstant mossa bħal din minn Agius Saliba qed titqies bħala waħda li qed tkompli żżid il-pressjoni fuq Robert Abela. B’esperti jisħqu li dan kollu huwa sinjal assolutament ċar li l-Partit Laburista qed jiġi jaqa u jqum mill-kontabbiltà, ir-responsabbiltà u l-maturità politika. Iżda agħar minn hekk – li la darba Abela jbaxxi rasu quddiem il-predeċessur tiegħu jkun qed jikkonferma d-dgħufija tiegħu fi ħdan il-kurituri tal-partit darba għal dejjem.