Illum il-Ħamis 7 ta’ Marzu, l-ixjeħ mara f’Malta sa minn meta bdew jinżammu r-rekords mir-Reġistru Pubbliku – Maria Farrugia – tagħlaq l-età sabiħa ta’ 112-il sena.
Ir-rekord tal-aktar persuna li għexet f’Malta kienet kisritu diġà fit-2 ta’ Lulju tas-sena li għaddiet meta hi għalqet 111-il sena, tliet xhur u 25 ġurnata. Dakinhar Maria Farrugia saret l-iżjed persuna li għexet fost il-Maltin u l-Għawdxin kollha.
Minn informazzjoni li kien tana l-Professur Raymond Mangion is-sena li għaddiet, f’artiklu pubblikat fil-gazzetta Il-Mument, qabel Maria Farrugia l-aktar bniedem li għex kien Ġanni Schembri minn Ħal Qormi li kien twieled fl-1757, b’koinċidenza kbira fl-istess data li twieldet Maria Farrugia, jiġifieri s-7 ta’ Marzu.
Maria Farrugia twieldet fl-akkwata ta’ “San Silvestru” fil-Mosta fis-7:30 ta’ filgħodu fis-7 ta’ Marzu 1912, u hi bint Anġlu Galea ‘Tal-Partiżan’ mill-Mosta u Anna mwielda Bezzina mill-familja ‘Ta’ Mustaċċja’. Il-ġenituri kellhom ħemel ulied iżda salvaw ħamsa. Ommha mietet ta’ 100 sena u tliet xhur fl-1982.
Maria ngħaqdet fiż-żwieġ ma’ Ġorġ Farrugia mill-familja ‘Ta’ Majjin’ mill-Imqabba fil-preżenza ta’ Dun Manwel Cardona, Viċi-Parroku tal-Ħamrun, fil-Knisja Parrokkjali ta’ San Gejtanu, fl-4 ta’ Novembru 1941. Maria stess, bil-ħila tagħha, ħietet il-libsa tat-tieġ b’magna tas-saqajn tad-ditta Singer. Maria u Ġorġ maż-żwieġ daħlu joqogħdu fid-dar tal-ġenituri tagħha f’Misraħ il-Barrieri, imbagħad marru jabitaw fir-residenza n.10H, Triq Adelaide Cini, fil-Ħamrun. Kellhom tliet ulied: Anġlu, Josephine u Karmena.
Maria hi l-unika persuna ħajja f’Malta li għexet l-Ewwel Gwerra (1914-1918), l-Irvellijiet tas-‘Sette Giugno’ (7 u 8 ta’ Ġunju 1919), l-Ewwel Gvern Responsabbli (1921-30, 1932-33), it-Tieni Gwerra Dinjija (1939-45), it-Tieni Gvern Responsabbli (1947-58), l-Indipendenza (1964), ir-Repubblika (1974), il-Ħelsien (1979) u d-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea (2004). Baqgħet tiftakar it-tramm u l-ferrovija u bosta xeni ta’ Malta tal-imgħoddi.
F’dan il-jum tant speċjali għal Maria Farrugia, aħna ningħaqdu mal-qarrejja tagħna u nawgurawlha ad multos annos.
//= $special ?>