Lokali Qorti

Jhedded lil martu wara li irrifjutat li tiffirma d-dokumenti tat-tiġdid tal-permess tar-residenza tiegħu

Care worker li ammetta għall-akkużi li hedded lil martu, wara li din irrifjutat li tiffirma flimkien miegħu d-dokument tat-tiġdid tal-permess ta’ residenza tiegħu talab li jiġi deportat. Iċ-ċittadin Pakistani ta’ 39 sena, li joqgħod il-Ħamrun, tressaq il-Qorti quddiem il-maġistrat Rachel Montebello fuq akkużi ta’ vjolenza domestika li kienu jinvolvu lil martu. Fil-Qorti ntqal li l-koppja għandhom ukoll żewġt itfal.

L-imputat, part-time care worker, qal lill-Qorti li xtaq jammetti għall-akkużi u ried jirritorna f’pajjiżu.
Meta mitlub jikkonferma t-talba tiegħu għat-tieni darba l-ħtija tiegħu, huwa qal “Jien ħati u rrid immur lura d-dar tiegħi.”

Fis-sottomissjonijiet tiegħu dwar il-piena, l-ispettur tal-pulizija li mexxa l-prosekuzzjoni Colin Sheldon argumenta għal sentenza minima fiċ-ċirkostanzi, u spjega li l-imputat u martu ma kinux jgħixu flimkien u għax kellu l-intenzjoni li jitlaq minn Malta wara l-konklużjoni tal-proċeduri kontrih.

L-Ispettur Sheldon spjega li l-permess ta’ residenza tal-imputat kien skada x-xahar li għadda, li kien ifisser li bħalissa kien qed joqgħod Malta illegalment. “Parti mill-kwistjoni kienet li kellu bżonn iġġedded il-permess tiegħu u kien jeħtieġ il-firma ta’ martu biex jagħmel dan.

Hija ma riditx għalhekk hu kien għamel kuntatt mal-pulizija tal-immigrazzjoni u talab li jiġi ripatrijat,” huwa qal, u kompla jispjega li dan il-kuntatt kien seħħ madwar għaxart ijiem qabel l-inċident ta’ vjolenza domestika rrappurtata.

Huwa ġie mixli wara sforz ikkoordinat bejn id-dipartimenti tal-Vjolenza Domestika u l-Immigrazzjoni tal-korp tal-pulizija, bil-għan li l-akkużat jiġi ripatrijat wara sentenza. L-Avukat Martin Farrugia, li assista lill-imputat bħala avukat tal-għajnuna legali, argumenta għal piena minima, u qal lill-Qorti li l-klijent tiegħu kien ukoll ġie mhedded bi vjolenza minn ħutu, u li nofs l-istorja biss kienet ħarġet fil-Qorti.

Il-Maġistrat Montebello tat lir-raġel ħelsien kundizzjonali għal perjou ta’ tliet snin u wissietu biex jibqa’ barra mill-inkwiet f’dak il-perjodu jew jerġa’ jiffaċċja dawn l-akkużi.