Internazzjonali

Residenti fil-Lvant jippreparaw għall-avvanz tar-Russi

Fil-Lvant tal-Ukrajna, il-gwerra reġgħet qed teskala b’rata magħġla; bir-Russja tieħu f’idejha bliet strateġiċi filwaqt li qed tavvanza lejn il-punent.

L-Ukrajna qed ssostni li l-forzi tagħha huma lesti għal dan l-avvanz; għalkemm il-qawwiet Russi qed jattakkaw ħames żoni importanti tul il-fruntiera, li qed jagħmluha diffiċli għat-truppi Ukreni sabiex ilaħqu.

Aktar minn 1.2 miljun persuna telqu mir-reġjun ta’ Donetsk sa mill-bidu tal-invażjoni tar-Russja sentejn ilu, bir-reġjun ta’ Donetsk ikun l-aktar milqut, bi bliet ewlenin jaffaċċjaw it-tehdida tal-armata Russa li qed toqrob malajr.

Fil-fatt, is-sitwazzjoni f’dan ir-reġjun tal-Ukrajna hija waħda ta’ biża hekk kif ir-Russja qed tkompli teqred l-ibliet Ukreni – reġjun illi spiċċa kamp ta’ battalja ewlieni, b’familji sħaħ qed ikunu imħeġġa jevakwaw kemm jista jkun malajr.

Is-sitwazzjoni qed tmur għall-agħar kuljum minħabba l-bumbardamenti kontinwi minn ajruplani Russi.

L-aħħar aħbarijiet qed jindikaw illi l-istazzjon tal-ferrovija fi Kramatorsk huwa l-aħħar waqfa għat-truppi Ukreni li qed jaslu fiz-zona… u għaċ-ċivili li qed jitilqu hekk kif Is-sitwazzjoni hija waħda ta’ periklu – tant li wieħed ma jistax joqgħod f’daru, minħabba l-okkupazzjoni Russa li mal-ħin qed toqrob dejjem aktar tal-villaġġi.

Din il-gwerra tidher li reġgħet ħadet spinta ġdida hekk kif ir-Russja qed tkun superjuri fuq il-qawwiet Ukreni, bil-President Ukren Volodymyr Zelenskyy jisħaq kemm-il darba li pajjiżu qiegħed jingħata il-ġenb u li din is-sitwazzjoni se twassal għal gwerra iktar kiefra min naħa ta’ Russi sabiex tokupa l-art tal-Ukranja.