Lokali

Titħabbar il-mewt tal-kantant Joe Cutajar

Tħabbret il-mewt tal-kantant Joe Cutajar fl-età ta’ 83 sena.

Dan ħabbru n-neputi tiegħu, Hermann Bonaci permezz ta’ post fuq il-midja soċjali hekk kif iddeskrivieh bħala raġel li dejjem ta s-sostenn kollu meħtieġ lill-familja.

Cutajar jibqa’ mfakkar fost oħrajn għall-kanzunetta ‘L-Imħabba’ fejn flimkien mal-kantanta Helen Micallef kien irrappreżenta lill-Malta fil-Eurovision Song Contest, fl-1972.

Joe Cutajar, imwieled il-Belt Valletta, sa minn dejjem kellu għal qalbu belt twelidu fejn fi ċkunitu kien ukoll jilgħab il-futbol mat-tim tal-Valletta Lilywhites.

Fl-1959, wara li għamel perjodu qasir apprentista bħala mekkanik, huwa sar artist professjonista fejn kien ikanta f’diversi lokali ta’ fama fosthom il-Cafè Premier u saħansitra diversi lukandi oħrajn – bil-karriera tiegħu tieħdu wkoll barra minn xtutna, f’Londra.

Fis-sittinijiet Cutajar kien jidher ta’ spiss fuq Malta Television kemm fuq il-programme Spotlight kif ukoll mal-Oscar Lucas Band.

Dan filwaqt li fl-2004 kien ħa sehem fil-Malta Jazz Festival.

Fl-aħħar snin kien ukoll jipparteċipa f’diversi programmi fuq Net Television fosthom The Entertainers.

Iżda Joe Cutajar ma kienx biss magħruf għall-vuċi sabiħa u l-kariżma li kellu – iżda wkoll għall-isport tal-futbol hekk kif kien jilgħab kemm ma’ Ħamrun, St. George’s u Valletta kif ukoll ma’ Żurrieq.