Lokali

AĠĠORNATA: Il-Gvern m’għamel xejn biex iwaqqaf ħatriet “fundamentalment ħżiena” – PN

Aġġornament:

Fi tweġiba li ta ftit tal-ħin ilu, il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika qal li jaqbel li l-ħatra tal-Membru Parlamentari Aaron Farrugia bħala Ambaxxatur hija “fundamentament ħażina”.

Il-Kummissarju esprima wkoll “dispjaċir” għall-fatt li l-Gvern ma għamel “ebda tibdil tanġibbli fil-prassi u r-regoli marbuta mal-ħatriet ta’ deputati parlamentari f’karigi mal-gvern u s-settur pubbliku”.

Għaldaqstant, minħabba dan in-nuqqas tal-Gvern, il-Partit Nazzjonalista saħaq li l-Kummissarju mhuwiex f’pożizzjoni li jwaqqaf dan l-abbuż milli jseħħ.

Fi stqarrija, ix-Shadow Minister għall-Ġustizzja, Karol Aquilina qal li l-Gvern ta’ Robert Abela ġie jaqa’ u jqum minn dak li qallu l-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika għax irid ikompli jagħmel ħatriet li huma “fundamentament ħżiena”; irid ikompli jabbuża mill-fondi pubbliċi biex jagħti rigali ta’ konsolazzjoni lill-backbenchers tiegħu; irid ikompli għaddej bil-kultura ta’ “kulħadd jitħanżer” minn fuq dahar il-poplu Malti u Għawdxi.

Iktar kmieni:

F’ittra lill-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, il-Partit Nazzjonalista ġibed l-attenzjoni li n-nomina tal-Eks Ministru Aaron Farrugia bħala Ambaxxatur hija “fundamentalment ħażina” u tmur kontra d-direzzjoni li ta l-istess Kummissarju biex tispiċċa “il-prattika li deputati parlamentari backbenchers jingħataw impiegi jew konsulenzi mal-gvern”.

Ix-Shadow Minister għall-Ġustizzja, Karol Aquilina f’isem il-Partit Nazzjonalista qal lill-Kummissarju li, fit-tweġibiet li ta lill-Kumitat Permanenti dwar il-Ħatriet Pubbliċi, Aaron Farrugia ddikjara li hu beħsiebu jibqa’ Membru Parlamentari anke wara li jinħatar Ambaxxatur mhux residenti għall-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali.

Il-Partit Nazzjonalista fakkar li f’rapport ippubblikat fis-6 ta’ Lulju 2019, il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika ddeskriva l-prattika li backbenchers jingħataw pożizzjonijiet mal-Gvern bħala “fundamentalment ħażina” u qal ċar u tond li din il-prattika “għandha tispiċċa”.

Għall-Partit Nazzjonalista huwa evidenti li n-nomina ta’ Ambaxxatur għall-uniku Ministru li tneħħa fir-reshuffle taparsi li għamel il-Prim Ministru Robert Abela f’Jannar mhix għajr rigal ta’ konsolazzjoni li se jitħallas minn fondi pubbliċi.

Il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika kien osserva li l-ingaġġ mal-gvern ta’ deputati parlamentari backbenchers “huwa meqjus bħala mezz ta’ konsolazzjoni għad-deputati li ma jinħatrux ministri jew segretarji parlamentari, jew bħala kumpens għall-paga baxxa li jitħallsu bħala deputati”.

Għaldaqstant, il-Partit Nazzjonalista qed jitlob lill-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika jinvestiga n-nomina ta’ Aaron Farrugia u l-aċċettazzjoni eventwali tagħha. Fid-dawl tal-laqgħa tal-Kumitat Permanenti dwar il-Ħatriet Pubbliċi li se ssir nhar it-Tnejn, il-Partit Nazzjonalista qed jitlob lill-Kummissarju jgħid lill-membri ta’ dan il-kumitat jekk is-smigħ fih innifsu u l-għoti ta’ parir favur il-ħatra ta’ Aaron Farrugia bħala Ambaxxatur jiksrux l-etika jew il-liġi.