Matul il-lejl li għadda ġie arrestat raġel ta’ 49 sena, ftit tal-ħin wara li allegatament wettaq serq minn vetturi fi Sqaq il-Laqx, in-Naxxar.
Għall-ħabta tal-ħdax ta’ filgħaxija, il-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm raġel suspettuż li deher qed jisgassa karozza. Il-Pulizija marru fil-post u bdew bl-investigazzjonijiet neċessarji, fejn irriżulta li fl-akwati kien hemm żewġ karozzi li minnhom insterqu xi affarijiet.
Il-pulizija bdew b’rondi fil-madwar, li wasslu biex l-allegat ħalliel jiġi arrestat kwarta wara f’Ħal Għargħur. Minn tfittxija li saret fuqu nstabu l-affarijiet irrappurtati misruqa.
Ir-raġel qiegħed jinżamm fil-lock-up tal-Pulizija fil-Kwarteri Ġenerali, il-Furjana, fejn mill-investigazzjonijiet illi saru mhux eskluż li s-suspettat wettaq serqiet oħra simili.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.
//= $special ?>