Fl-okkażjoni ta’ Jum il-Mara, il-Partit Nazzjonalista jrid isellem lin-nisa kollha u jixtieqilhom aktar suċċess.
Il-Partit Nazzjonalista jsostni li s-suċċess tal-mara jista’ jintlaħaq meta l-mara Maltija tingħata verament id-dinjità mistħoqqa lilha. B’hekk biss il-mara tista’ tilħaq il-potenzjal kollu tagħha u jasal il-mument meta verament Jum il-Mara jkun ċelebrazzjoni tal-kisbiet li tkun laħqet il-mara Maltija. Sa issa, nifirħu bl-avvanzi li saru imma nkomplu naħdmu biex verament il-mara tingħata dak li jixirqilha.
F’din l-okkażjoni, f’messaġġ imxandar fuq il-mezzi soċjali, is-Sinjura AnneMarie Grech, mart il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, qalet li n-nisa huma ta’ ispirazzjoni fil-ħidma tagħha, filwaqt li sellmet lin-nisa li jsofru minn xi inġustizzja jew diskriminazzjoni. Tenniet li kull mara għandha temmen fil-kapaċitajiet u l-abbiltajiet tagħha.
Barra minhekk, ftit tal-jiem ilu, il-Moviment Nisa Partit Nazzjonalista (MNPN) organizza diskussjoni bit-tema “Niċċelebraw in-Nisa” bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet għal Jum il-Mara. Fl-attività tkellmu għadd ta’ nisa minn setturi varji, fejn ħarġet aktar fil-beraħ il-kisba tal-mara matul is-snin, iżda wkoll kemm jeħtieġ li l-mara tingħata ferm aktar attenzjoni.
Il-Partit Nazzjonalista jieħu l-okkażjoni tal-lum biex ikompli jħeġġeġ lin-nisa Maltin jibqgħu jistinkaw, jistudjaw u jirrealizzaw il-ħolm u x-xewqat tagħhom. M’għandu jkun hemm xejn li jzomm lill-mara milli takkwista dak kollu li hi kapaċi tagħmel bil-ħila tagħha.
Fl-istess waqt, il-Partit Nazzjonalista jħeġġeġ lill-Gvern biex jagħmel aktar f’dan ir-rigward u, fost ohrajn, ikompli jwessa’ l-miżuri msejħa bħala ‘work-life balance’ li tassew jgħinu lill-familja Maltija kollha. Għalhekk, il-Partit Nazzjonalista jkompli jisħaq li jiżdied il-leave tal-paternità, il-ħlas tal-‘parental leave’ jitjieb u li l-Gvern iħallas hu bħala investiment fil-mara u l-familja Maltija.
Graziella Attard Previ – Shadow Minister għall-Ugwaljanza, il-Libertajiet Ċivili u d-Drittijiet tat-Tfal
Moviment Nisa Partit Nazzjonalista
//= $special ?>