Lokali

“Din li biex tieħu dak li hu tiegħek trid taħli saħħtek ma nistax nifhimha”

Ma taqta’ xejn il-kritika għan-nuqqasijiet kbar fis-settur tal-kostruzzjoni u n-nuqqas ta’ azzjoni minn naħa tal-Gvern.

Dan wara li sid ta’ residenza, Charlotte Falzon, esponiet fil-berah l-istorja tagħha meta f’żewġ każijiet separati waqa’ saqaf ta’ kamra fuq in-naħa ta’ wara tad-dar tagħha waqt li kien qed isir xogħol ta’ kostruzzjoni f’sit biswitha.

F’kumment li tefgħet taħt post fuq Facebook, Isabelle Bonnici inkoraġġiet lil Charlotte biex tkompli taħdem għal dak li hu tagħha u ma tħalli lil ħadd jimlieha bil-biża’ sabiex tieqaf il-ġlieda tagħha.

Isabelle Bonnici saħqet li kull persuna għandha d-dritt li tieħu dak li hu tagħha għaliex mhux sewwa li wieħed ikollu jaħli saħħtu u l-enerġija kollha sabiex forsi jasal fejn għandu jasal.

Dan il-kumment sar wara li Charlotte, mill-ġdid reġgħet tefgħet post fejn spjegat kif minkejja li xogħol li kien qed isir biswit spiċċa ġarraf parti minn darha, ħadd ma jidher li jrid jerfa’ r-responsabbiltà.

Kien hawnhekk fejn, wara xhur tiġġieled għal dak li hu tagħha, staqsiet fejnhom il-Ministru Jonathan Attard u l-Prim Ministru Robert Abela li mhux jassiguraw li dawk responsabbli jmexxu l-entitajiet konċernati fit-triq it-tajba.

Hi spjegat ukoll kif ir-riformi li qed jingħaddu li qed isiru m’huma jwasslu għal imkien; għaliex xejn għadu ma nbiddel.

Charlotte fakkret kif il-Perit tas-sit ta’ kostruzzjoni m’għamilx insurance għal terzi, jiġifieri għal dawk il-propjetajiet li jmissu mas-sit – iżda minflok għamel biss insurance msejħa ‘non effecting third parties’, xi ħaġa li tmur kontra l-liġi. U b’hekk, Charlotte spiċċat mhix koperta mill-ebda assigurazzjoni għall-ħsarat li ġarbet.

Minn naħa l-oħra, il-perit qed jgħid lil sid id-dar li s-saqaf kien ħażin, b’Charlotte tisħaq li qabel beda x-xogħol l-ebda perit ma mar jagħmel spezzjoni tad-dar tagħha. Dan apparti li l-perit qed jitfa’ l-ħtija kollha ta’ din il-ħsara fuq sit ta’ kostruzzjoni ieħor li jinsab 20 metru ‘il bogħod mis-saqaf li ġġarraf… biex skont dawk involuti ssir frame-up.