Kultura Lokali Mużika

ERBA’ jagħmlu d-debutt tagħhom b’kanzunetta tal-widna

ERBA’, il-grupp ta’ tfajliet magħmul minn Kelsey, Maria, Anthea u Demi, illum, fit-8 ta’ Marzu, proprju fil-Jum Internazzjonali tal-Mara se jippubblika l-kanzunetta “Sirena”. Huma ingħaqdu flimkien waqt il-Malta Music Exchange Camp organizzat mill-Public Broadcasting Services. ERBA’ bdew il-vjaġġ tagħhom permezz ta’ kollaborazzjoni m’uħud mill-aqwa kittieba u produtturi tal-mużika, fosthom: Audun Agnar Guldbrandsen, Tom Hugo (magħruf bħala wieħed mill-vuċijiet tal-grupp KeiiNO) u Alexander Nyborg Olsson.

“Sirena”, miktuba mill-membri tal-grupp ERBA’ flimkien mal-kowċ tal-vuċi Maria Cachia Abdilla kienet waħda mill-kanzunetti tul l-avventura tal-Malta Eurovision Song Contest li spikkat, tant li fl-aħħar mill-aħħar klassifikat fir-raba’ post, riżultat identiku kemm mill-pubbliku u anke mill-ġurija professjonali. Il-ħoss mediterranju tagħha jiċċelebra l-istaġun sajfi ta’ Malta, iżda l-lirika tagħha titkellem dwar ir-reżiljenza tal-mara, is-sirena li l-isterjotip tagħha huwa li tattratta lis-sess oppost.

Bħala parti mill-parteċipazzjoni tagħhom fil-Malta Eurovision Song Contest, ERBA’ kellhom l-opportunità li joħolqu vidjo mużikali għal “Sirena”. L-għażla waqgħet fuq Matthew Muscat Drago u Victor Abela. Ħadmu qatigħ u l-prodott ntlaqa’ tajjeb ħafna u se jibqa’ jiġi apprezzat fil-jiem, xhur, u snin li ġejjin b’appoġġ assolut għall-kanzunetta li issa ġiet rilaxxata b’mod uffiċċjali. Barra minn hekk, id-dar tad-diski li ddeċidiet tospita din il-kanzunetta hi Warner Music Norway.

Minn l-ewwel darba li introduċew ruħhom, ERBA’ għamlu ħoss, u mal-ġimgħat diġa bdew jissodaw il-pożizzjoni tagħhom fl-industrija tal-mużika. “Sirena” mhux biss kanzunetta oriġinali; hija dikjarazzjoni qawwija ta’ setgħa u reżiljenza. Bil-melodija irresistibbli tagħha u l-lirika li tagħti s-saħħa. “Sirena” lesta biex tkun il-kanzunetta tal-2024,ta’ kull staġun li biha jieħdu pjaċir udjenzi madwar id-dinja.

Tista’ tisma’ “Sirena” hawnhekk: www.youtube.com/watch?v=WP_fOgHeECo

Ritratti: Dean Bartolo