Lokali

Il-Fondazzjoni Life Network tħabbar servizz ġdid għan-nisa

Dan is-servizz ta’ units residenzjali huwa ndirizzat sabiex jagħti sapport addizzjonali lill-ommijiet fil-bżonn u t-trabi tagħhom. 

Fi stqarrija il-Fondazzjoni Life Network qalet li din l-inizjattiva ġdida tipprovdi sapport kontinwu għall-ommijiet u t-trabi wara li jtemmu il-programm ta’ sena fi ħdan il-maternity home “Dar Tgħannieqa ta’ Omm“. Il-maternity home tipprovdi sapport ta24-siegħa kuljum, qabel, u wara t-twelid tat-tarbija. 

Il-units residenzjali ser jipprovdu ambjent akkoljenti u sikur sabiex dawn l-ommijiet jkunu jistgħu jmorru lura għax-xogħol jew jtemmu l-istudji tagħhom.  Life Network temmen li dan is-servizz ser jagħti possibiltajiet ġodda lil dawn l-ommijiet biex jagħmlu t-transizzjoni lejn ħajja indipendenti u jirnexxu.

Is-Sinjura tal-President, Miriam Vella, ser tniedi il-ftuħ ufficjali tal-units residenzjali ġodda nhar l-Erbgħa, 13 ta’ Marzu. 

Dan il-proġett seta’ jitwettaq permezz tal-ġenerozita tal-Conservatorio Vincenzo Bugeja, Fondazzjoni ta’ karita’ mwaqqfa mill-Markiz Vincenzo Bugeja għas-sapport tan-nisa u tfajliet. Se jkun hemm 6 Home Units ġewwa Konservatorju Vincenzo Bugeja f’Santa Venera, u apparti minnhekk Life Network Foundation tinsab fil-proċess li tirrinova 7 units oħra f’lokalita’ oħra f’Malta. 

Illum, f’jum il-Mara 2024, qed niċċelebraw is-success tas-sapport tal-help line għan-nisa fi kriżi ta’ tqala li kienet hemm ghal 120 twelid, is-servizz ta’ għajnuna fil-komunita lin-nisa u il-maternity home, fejn 42 omm diġa għexu u rabbew it-trabi tagħhom.  

Christie Gellel mid-“Dar Tgħanniqa Ta’ Omm” qalet li “hija ħaġa tassew sabiħa il-fatt li ser nkomplu nissaportjaw dawn l-ommijiet li ġew fid-dar tagħna f’ mument tassew vulnerabbli, izda u issa ser inkunu maghħom waqt li jgħaddu għall-ħajja indipendenti flimkien mat-tfal tagħhom. Ninsabu tassew kburin bihom!”

Filwaqt li Miriam Sciberras, is-CEO ta Life Network Foundation tenniet li “f’Jum il-Mara, niċċelebraw lil kull mara, speċjalment lil dawk li rnexxielhom jikkumbattu vulnerabilita’ u tbatija kbira, sabiex illum huma ommijiet għal uliedhom.  Huwa privileġġ tagħna li stajna nkunu hemm għalihom u magħhom, u permezz ta’ dan il-proġett ġdid, ser inkunu qegħdin nagħtuhom opportunita oħra sabiex jgħixu ħajja ndipendenti fis-soċjeta.”