Gvern fil-muta. Ebda stqarrija. Ebda ċaħda għal dak li qal il-Ministru Michael Falzon. U b’mod surreali, kien biss il-Labour bħala partit illi tkellem dwar din it-tema; stqarrija għal kollox partiġġjana li lanqas fiha ma kien hemm ċaħda kategorika dwar il-futur tal-pensjonijiet.
Fil-fatt, il-Partit Laburista tkellem biss dwar “pensjonijiet sostenibbli”, u qal li l-Gvern daħħal inċentivi fiskali qawwija għal tfaddil ta’ pensjonijiet privati li jħeġġu biex wieħed jaħtaf dawk l-inċentivi. Iżda dwar il-pensjoni tal-Gvern, ma ntqal assulutament xejn.
Kollox beda l-Erbgħa, meta l-Ministru Micheal Falzon stqarr li ma jistax jagħti garanzija li fi żmien 20 sena il-pensjoni se tkun garantita.
Issa l-Ministru Falzon qal li kien ċar fuq dak li stqarr f’nofs din il-ġimgħa, biex b’hekk ikkonferma mill-ġdid li ma hemmx garanzija li l-bolla li l-ħaddiema qed iħalsu se tmur għall-pensjoni fi żmien l-irtirar.
Minkejja li l-pensjoni hija xi ħaġa li kull persuna li taħdem tikkontribwixxi għaliha bil-bolla, il-Gvern qed jgħid lin-nies biex jinvestu fi private pension plan.
Xi ħaġa pożittiva – iżda li bla dubju ma tissostitwix il-kontribuzzjonijiet kbar li jsiru mill-ħaddiema għall-pensjoni tal-Gvern.
Bil-Ministru Falzon jispiċċa jitlaq minn quddiem il-cameras tagħna.
Il-pożizzjoni tal-Gvern dwar il-pensjonijiet ħolqot tħassib kbir. L-aktar fost il-ħaddiema li ma jafux fejn se jmorru l-kontribuzzjonijiet li qed jagħmlu.
Dan minkejja li l-Labour kien wiegħed li din tal-pensjonijiet, hija raġuni oħra wara l-pjan li jinġiebu ħafna barranin f’pajiżna.
//= $special ?>