Fil-Jum Internazzjonali tan-Nisa, l-Malta Women’s Lobby tingħaqad f’solidarjetà man-nisa taħt it-tema tan-Nazzjonijiet Uniti “Investu fin-Nisa: Aċċelleraw il-Progress.”
Fi stqarrija il-Women’s Lobby qalet li għal għexieren ta’ snin, in-nisa ilhom minn ta’ quddiem fil-progress tas-soċjetà, jkissru l-ostakli, u jfasslu mill-ġdid in-narrattiva ta’ xi tfisser li tkun mara fid-dinja tal-lum. Il-Jum Internazzjonali tal-Mara jservi bħala tfakkira qawwija tal-kontribuzzjonijiet notevoli tan-nisa u l-ġlieda kontinwa għall-ugwaljanza bejn is-sessi.
Filwaqt li wieħed jinnota xi progress lejn l-ugwaljanza bejn is-sessi, għadhom jippersistu ħafna sfidi għan-nisa f’Malta. Għal din ir-raġuni l-Malta Women’s Lobby tappella lill-gvern biex ineħħi l-ostakli sistemiċi li jipperpetwaw l-inugwaljanzi bejn in-nisa u l-irġiel u joħloq soċjetà aktar inklużiva fejn kull mara tkun tista’ tgħix b’dinjità, rispett, u tgawdi opportunitajiet indaqs.
Il-Women’s Lobby tgħid li kulħadd jibbenefika mill-ugwaljanza. Studji wrew li n-negozji jirnexxu meta jkun hemm bilanċ fir-rappreżentanza tas-sessi, b’perspettivi diversi li jwasslu għal teħid ta’ deċiżjonijiet u innovazzjoni aħjar. Barra minn hekk, l-għoti ta’ miżuri ta’ xogħol aħjar għall-familja li jkunu mħallsa b’mod adegwat u twal biżżejjed, mhux biss isaħħaħ l-ugwaljanza bejn is-sessi iżda jikkontribwixxi wkoll għal benessri aħjar fil-familji, irawwem rabtiet aktar b’saħħithom u qsim aktar ekwu tar-responsabbiltajiet bejn il-ġenituri. Dan kollu huwa fundamentali jekk il-gvern irid jindirizza l-isfida demografika tiegħu peress li Malta issa għandha l-inqas rata ta’ twelid fl-istati membri kollha tal-UE.
F’dan il-Jum Internazzjonali tal-Mara, il-Women’s Lobby jappellaw individwi, organizzazzjonijiet u dawk li jfasslu l-politika biex jingħaqdu magħhom fl-isforzi tagħhom biex javvanzaw l-ugwaljanza bejn is-sessi.
Fl-aħħarnett il-Malta Women’s Lobby tenniet li billi nippromwovu l-emanċipazzjoni tan-nisa, nisfidaw l-isterjotipi, u nrawmu ambjent ta’ inklussività, nistgħu noħolqu soċjetà aktar ġusta u ekwa għal kulħadd filwaqt li naċċelleraw il-progress.
//= $special ?>