Lokali Qorti

Jisparixxi laptop ieħor mill-Kamra tal-Esebiti tal-Qorti

Il-Maġistrat Leonard Caruana talab spjegazzjoni għall-għejbin ta’ laptop ieħor f’każ relatat ma’ allegat ħasil ta’ flus minn negozjant tal-karozzi. Daqs ġimagħtejn oħra, il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qrati, Eunice Grech Fiorini u r-Reġistratur tal-Qorti, Franklin Calleja se jkunu qed jidhru il-Qorti biex jispjegaw dan l-għejbin.

Il-laptop, li huwa kruċjali minħabba evidenza li jikkonsisti, kien ġie esebit mid-Dipartiment tall-Investigazzjonijiet tar-Reati Finanzjarji lura f’Jannar tal-2022. Iżda issa, meta uffiċjal ġie mitlub biex jippreżenta dan l-istess laptop għal kumpilazzjoni ta’ evidenza f’każ differenti iżda relatat ma’ dak tal-2022, l-uffiċjal avża lil Qorti li dan il-laptop mhuwiex f’postu.

Il-laptop kien prova ta’ evidenza fil-każ ta’ Bernard Attard ta’ 33 sena, negozjant tal-karozzi li qed jaffaċja akkużi ta’ misapproprijazzjoni ta’ €1.2 miljun, frodi u ħasil ta’ flus. Dan il-laptop kien se jintuża’ bħala prova f’każ li għalih qed jiġu akkużati Jessica Sciberras Azzopardi u Maria Attard li taw għajnuna għal ħasil ta’ flus.

L-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qrati kkonfermat dan il-każ permezz ta’ stqarrija fejn qalet li qed tikkopera mal-Awtoritajiet fuq dan il-każ biex teżamina l-proċess ta’ kustodja u preżervazzjoni tal-oġġetti esebiti waqt proċeduri legali.

Dan mhux l-ewwel każ tat-tip tiegħu hekk kif fl-aħħar ġimgħat sar magħruf li l-laptop maqbud mill-Qorti tal-eks kappillan ta’ Marsaxlokk Luke Seguna, li qed jiffaċċja akkużi ta’ frodi, ma jistax jinstab fil-kamra tal-esibiti tal-Qorti.

U dan apparti ż-żewġ mobiles ta’ Keith Schembri li wkoll kienu miżmuma mill-Qorti bħala parti mill-evidenza li sparixxew minn posthom, b’wieħed jinstab ġimgħat wara fil-kamra tal-esibiti f’file separat.