Rowen Camilleri
Il-Kampjonat BOV Premier jirritorna llum bil-konfront fis-Centenary Stadium bejn Naxxar Lions u Balzan fis-6:15pm, konfront li se jkun qed jagħti bidu għall-20 ġurnata tal-kampjonat. Il-kumplament tal-logħob se jkunu qed jintlagħabu bejn għada u l-Ħadd fejn iċ-champions renjanti Ħamrun Spartans jiltaqgħu kontra Mosta l-Ħadd filwaqt li għada l-isfidanti tagħhom Floriana jilagħbu kontra Sirens. Konfront interessanti għandu jkun dak ta’ għada fis-2pm fl-Istadium Nazzjonali li jara lil Marsaxlokk u Birkirkara jisfidaw lil xulxin għal post mal-ewwel erbgħa meta t-tnejn li huma għandhom 29 punt.
Naxxar Lions vs Balzan | Illum, fis-6:15pm fis-Centenary Stadium
Il-partita li se tkun qed tiftaħ l-20 ġurnata tal-Kampjonat BOV Premier hija dik tal-lejla bejn Naxxar Lions u Balzan,bid-distakk fil-klassifika bejn dawn iż-żewġ timijiet huwa wieħed minimu, fejn Naxxar jinsabu f’nofs il-klassifika b’24 punt filwaqt li Balzan għandhom 22 punt u jinsabu bl-istess punti daqs Santa Lucia, li jinsabu fiż-żona relegazzjoni. Wara erba’ telfiet konsekuttivi, it-tim immexxi minn George Vella kiseb rebħa tajba ta’ 2-0 kontra HIbernians il-ġimgħa li għaddiet li biha ħadu xi ftit tan-nifs kemm f’dik li hija klassifika kif ukoll għall-moral. Min-naħa l-oħra Balzan komplew żiedu s-serje ta’ partiti mingħajr rebħa għal sebgħa bid-draw kontra Birkirkara u issa l-affarijiet jidhru inkwetanti għat-tim immexxi minn Oliver Spiteri li jidher li bħal ma’ ġara fl-istaġun 2021/22 se jkunu qed jissieltu kontra r-relegazzjoni. Għal dan il-konfront Balzan se jkollhom żewġ pedini importanti niesqa hekk kif id-difensur Nikola Braunovic u l-midfielder Triston Caruana jinsabu sospiżi logħba. Fl-ewwel round kienu l-Lions li ħarġu rebbieħa 2-1 b’doppjetta ta’ Wiliam Marcilio.
Marsaxlokk vs Birkirkara | Għada, fis-2pm fl-Istadium Nazzjonali
Il-konfront tal-ġimgħa huwa dak bejn Marsaxlokk u Birkirkara, żewġ timijiet li qed jaspiraw li jagħmluha għal post fil-kompetizzjonijiet Ewropej. It-telfa fl-aħħar partita li sofrew Marsaxlokk kontra Mosta ppermettiet lil Birkirkara li jilħquhom fir-raba’ post b’29 punt biex issa għandhom l-opportunità li għall-ewwel darba dan l-istaġun jitilgħu weħidhom fir-raba’ post ġa la darba jirnexxielhom jiksbu punti massimi minn dan il-konfront. Ix-Xlukkajri, li se jkunu mingħajr Jacob Walker li jinsab sospiż, iridu jinsew l-aħħar partita kontra Mosta u jerġgħu jibdew jagħtu prestazzjonijiet bħalma kienu jagħtu fl-ewwel parti tal-kmapjonat jekk iridu li l-ħolma Ewropa tibqa’ possibli. B’doppjetta ta’ Yuri Messias Marsaxlokk ħarġu rebbieħa fl-ewwel konfront kontra Birkirkara lura f’Novembru tas-sena l-oħra.
Sirens vs Floriana | Għada, fl-4:15pm, fl-Istadium Nazzjonali
Minkejja li Sirens kważi huma ċerti li staġun ieħor se jkunu qed jilagħbu fiċ-Challenge League, xorta waħda qed jagħtu qalbhom u fil-ġurnata jistgħu itellfu l-punti kif għamlu fl-aħħar konfront kontra Santa Lucia. Madankollu jekk Floriana jżommu l-forma li kellhom fl-aħħar żewġ partiti m’għandux ikollhom problema sabiex jegħlbu anke dan l-ostaklu u jibqgħu jisfidaw għat-titlu, bit-tama li Mosta jirrepetu dak li għamlu fl-ewwel round kontra Ħamrun u tal-inqas jieħdulhom punt. Bla dubju li l-akkwist ta’ Willis Furtado f’Jannar qed iħalli l-frott meħtieġ għall-Greens, bil-plejer mill-Cape Verde diġa’ skorja erba’ darbiet filwaqt li fl-aħħar partita kontra Gudja kien ukoll ivvotat bħala l-Plejer tal-Logħba. Steve D’Amato se jkun mingħajr Gilberto Carrara u Nicholas Pulis li jinsabu sospiżi filwaqt li Camoranesi jidher li se jkollu skwadra sħiħa għad-dipożizzjoni tiegħu f’dan il-konfront. Fl-ewwel round tliet gowls fit-tieni taqsima taw rebħa ta’ 3-0 lil Floriana kontra Sirens.
Gudja United vs Hibernians | Il-Ħadd, fis-2pm fl-Istadium Nazzjonali
Fl-aħħar ħarġa Gudja United ħasbu li kienu se jwettqu sorpriża meta marru minn fuq fis-27 minuta kontra Floriana iżda t-tim immexxi minn Renzo-Kerr Cumbo spiċċa biex sofra ħames gowls u għalhekk, mhux talli naqsu milli jiksbu l-ewwel rebħa staġjonali, iżda sofrew it-13-il telfa tal-istaġun. Din għalhekk hija opportunità għal Hibernians biex jirritornaw għar-rebħ wara nuqqas ta’ erba’ logħbiet u filwaqt li jibqgħu ‘il bogħod min-naħa t’isfel tal-klassifika, iżommu wkoll il-pass ma’ Marsaxlokk u Birkirkara fil-ġlieda għar-raba’ post. Hibernians se jkunu mingħajr il-midfielder Taljan Claudio Bonanni li se jkun qed jiskonta sospensjoni ta’ logħba. Dan huwa l-uniku ċans għal Hibernians li jsalvaw l-istaġun hekk kif minbarra li naqsu milli jisfidaw għat-titlu, kienu eliminati wkoll mill-IZIBET FA Trophy ix-xahar li għadda minn Gżira United. Kien gowl waħdini ta’ Giannis Bastianos li ta tliet punti lil Hibernians kontra Gudja fl-ewwel round.
Mosta vs Ħamrun Spartans | Il-Ħadd, fis-2pm fit-Tony Bezzina Stadium
Test ieħor antipatku għal-leaders attwali Ħamrun Spartans huwa dak tal-Ħadd fit-Tony Bezzina Stadium kontra Mosta. Mosta għadhom ġejjin minn rebħa importanti kontra Marsaxlokk filwaqt li Ħamrun kellhom jikkuntenataw bi draw, anke jekk mhux mistenni kontra Valletta. Bla dubju li bi Floriana punt biss warajhom u kważi ċerti minn tliet punti kontra Gudja, Ħamrun iridu akkost ta’ kollox jiksbu rebħa minn dan il-konfront sabiex ma jitilfux l-ewwel post. Madankollu dan il-konfront mhux se jkun wieħed faċli anke għaliex Mosta issa li nqalgħu minn mal-aħħar erbgħa, se jkunu qed jagħmlu minn kollox sabiex iżommu posthom mal-kbar tal-futbol Malti għall-14-il staġun infila wara li kienu rritornaw fl-ogħla diviżjoni fl-istaġun 2011/12. Fl-ewwel round Mosta, li se jkunu mingħajr l-attakkant Nnaji li jinsab sospiż, żammew lil Ħamrun fi draw ta’ 1-1.
Sliema Wanderers vs Santa Lucia | Il-Ħadd, fl-4:15pm fit-Tony Bezzina Stadium
Wara tliet rebħiet konsekuttivi, Santa Lucia bla mistenni ħadu biss punt kontra Sirens u reġgħu spiċċaw mal-aħħar erbgħa, bi 22 punt daqs Balzan fil-11-il post. L-avversarji tas-Saints din il-ġimgħa huma Sliema Wanderers li biex magħhom jiksbu xi ħaġa minn dan il-konfront iridu jilagħbu ħafna aħjar milli lagħbu kontra Sirens hekk kif Sliema huma bil-qabda aħjar mit-tim minn San Pawl il-Baħar, u għalkemm jinsabu xi ftit komdi fit-tielet post b’disa’ punti vantaġġ fuq Marsaxlokk u Birkirkara, xorta waħda se jkunu qed jinżlu għal tliet punti sabiex iżommu dan il-vantaġġ komdu biex jilħqu t-tragward tal-Ewropa kemm jista’ jkun malajr. Paul Zammit se jkun mingħajr Denis Kouao filwaqt li Alessio Piazza se jkun nieqes għal Santa Lucia, biż-żewġ plejers jinsabu sospiżi logħba. F’Novembru li għadda Samuel Gomes kien l-eroj għal Sliema kontra Santa Lucia bil-gowl tiegħu fir-rebħa ta’ 1-0.
Valletta vs Gżira United | Il-Ħadd, fl-4:15pm fl-Istadium Nazzjonali
Għalkemm fil-klassifika kważi ma bidel xejn, u Valletta xorta waħda baqgħu fit-tielet post mill-aħħar, id-draw ta’ 1-1 kontra ċ-champions renjanti u leaders attwali tal-kampjonat Ħamrun Spartans bla dubju li se jkun qed jgħin moralment lil Valletta f’dawn iż-żewġ konfronti importanti li ġejjin, l-ewwel dak ta’ nhar il-Ħadd kontra Gżira u l-ġimgħa ta’ wara kontra Santa Lucia. Gżira fl-aħħar logħba tilfu kontra Sliema Wanderers wara tliet rebħiet konsekuttivi fil-kampjonat u attwalment jinsabu f’nofs il-klassifika b’24 punt daqs Naxxar Lions iżda kif qed tiżvolġi l-klassifika, f’wieħed mill-aktar kampjonati bilanċjati li qatt kellna fl-aħħar snin, b’telfa tista’ faċilment issib ruħek fiż-żona relegazzjoni u għalhekk kemm Valletta, li jridu jinqalgħu miż-żona l-ħamra kif ukoll Gżira li jridu jżommu posthom f’nofs il-klassifika, għandhom bżonn il-punti u se jkunu qed joħorġu biex jieħdu l-massimu minn dan il-konfront. Dan il-konfront fl-ewwel round spiċċa fi draw ta’ 1-1 bil-Beltin isalvaw punt fis-86 minuta permezz ta’ Federico Falcone.
//= $special ?>