Lokali Qorti

Minn sospiża għal waħda effettiva wara li falla ħafna appuntamenti mal-probation officer, f’każ relatat ma vjolenza domestika

Raġel ta’ 27 sena, residenti il-Kalkara li ismu mhux qed jissemma biex tiġi mħarsa l-vittma u l-ulied ġie kundannat sena ħabs mill-Maġistrat Marse-Ann Farrugia wara li falla ħafna mill-appuntamenti li kellu mal-uffiċjal tal-probation, wara li kien instab ħati ta’ vjolenza domestika fuq is-sieħba tiegħu, li tiġi wkoll omm uliedu.

F’Marzu tal-2022, hu kien ikkundannat sena ħabs sospiża għal erba’ snin, u tpoġġa taħt ordni ta’ superviżjoni għal erba’ snin. Meta ntalab biex jixhed, l-uffiċjal tal-probation inkarigat mis-superviżjoni tiegħu qal li r-raġel kien attenda biss għal disgħa minn total ta’ 26 appuntament.

Hu kien mitlub jagħti kampjun tal-urina, u f’okkażjoni waħda rrifjuta li jagħmel dan, filwaqt li f’ħamsa minn tmien testijiet li sarulu, instab pożittiv għall-kokaina. Fil-Qorti, is-sieħba tiegħu xehdet li ma kellhomx iktar problemi fir-relazzjoni tagħhom, anzi huma kellhom tarbija oħra f’Ottubru tal-2023, u għalhekk issa għandhom tliet itfal.

Qalet ukoll li s-sieħeb tagħha ma jħossux komdu jiftaħ qalbu mal-Uffiċjal tal-Probation inkarigat minnu u tenniet li għandu problema li jinsa ħafna u kien għalhekk li kien jonqos li jmur għall-appuntamenti. Il-Qorti osservat li l-akkużat kien ingħata ħames twissijiet finali, u kien ġie mwissi wkoll minn uffiċjal ieħor tal-probation li kien isegwih qabel, u allura l-problema ma kinitx ma’ uffiċjal partikolari, bħal ma allegat is-sieħba tiegħu.

Il-fatt li r-raġel għandu problemi ta’ ‘anger management’, kif ukoll jabbuża minn sustanzi illeċiti li qed jirrifjuta li jindirizza l-problema, abbinat mal-fatt li hu diġa nstab ħati ta’ vjolenza domestika, jfisser li fir-realtà dan huwa każ ta’ ‘a ticking time-bomb’ li jista’ f’kull mument jitlef il-kontroll tal-emozzjonijiet tiegħu u jikkommetti reati oħra ta’ vjolenza domestika.

Il-Qorti qalet li l-aġir tiegħu ma jagħtu l-ebda tama li dan għaraf l-iżball tiegħu u lest jaċċetta l-għajnuna. Il-Qorti qalet li mhemmx triq oħra ħlief tirtira s-sentenza sospiża u ordnat li din issir waħda definittiva u kkundannatu sena ħabs effettivi. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Eman Hayman.