Sport Sport Ieħor Waterpolo

Pjan fit-tul għal Birżebbuġa ASC bil-ħolqien ta’ akkademja għall-għawm u l-waterpolo

Il-klabb ta’ Birżebbuġa ASC jinsab fil-fażi li jmiss biex ikompli jkattar il-futur tiegħu. Dan hekk kif fil-preżent huma qed jippreparaw biex joħolqu akkademja għall-għawm u l-waterpolo. Din l-akkademja hi fdata f’idejn l-eks plejer ta’ diversi timijiet kif ukoll tat-tim nazzjonali Edward Aquilina. Frisk minn esperjenza fis-settur taż-żgħażagħ ta’ Sliema, Aquilina jinsab determinat li jħalli l-marka tiegħu fil-klabb ta’ Birżebbuġa bi proġett fit-tul.

Is-subien jew bniet bejn is-sitta u l-14-il sena jistgħu japplikaw biex jissieħbu ma’ din l-akkademja bl-għan li mhux biss itejbu l-ħiliet sportivi iżda wkoll li fost l-oħrajn itejbu l-komunikazzjoni, jitgħallmu jaħdmu f’tim u joħolqu ħbiberija ġodda bejniethom.

Ovvjament l-għan prinċipali jibqa’ li jitgħallmu d-dixxiplini sportivi tal-għawm jew il-waterpolo. Il-fiżika, il-kordinazzjoni, it-teknika u d-dixxiplina huma fost il-kwalitajiet essenzjali li t-tfal ġodda jistgħu jibdew jiksbu.

Vantaġġ essenzjali għal tfal ġodda hu li Birżebbuġa ASC għandhom il-faċilitajiet ta’ pixxina li tagħmel l-esperjenza aktar komda kemm għalihom kif ukoll għall-ġenituri. Dawk interessati jistgħu jagħmlu kuntatt mal-Head Coach tan-nursery Edward Aquilina fuq 99521769.