Il-Ministru Silvio Schembri ma jistax jibqa’ jaħrab mir-responsabbiltà politika li għandu – dan għaliex kien responsabbli minn tliet entitajiet li missew mat-traġedja ta’ Jean Paul Sofia.
Dan intqal waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mix-Shadow Ministers, Robert Cutajar, Paula Mifsud Bonnici u Rebekah Borg…u li saret fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista, fejn sejħu għar-reżenja tal-Ministru Schembri.
Il-whip Nazzjonalista Robert Cutajar qal illi minkejja li kien hemm ‘il fuq minn 20 siegħa ta’ dibattitu fil-Parlament dwar l-Inkjest Pubblika, il-Gvern kompla għaddej bl-ordni tal-ġurnata qisu xejn mhu xejn. Dan meta f’pajjiż demokratiku, is-sitwazzjoni li kollox jgħaddi mhix aċċettabbli…u jeħtieġ li s-settur tal-kostruzzjoni jgħaddi minn riforma ġusta.
Minn naħa tagħha, id-deputat Paula Mifsud Bonnici fakkret kif kull membru tal-Gvern, inkluż Robert Abela vvotaw kontra li ssir ġustizzja b’riżultat li pajjiżna qatt ma seta’ jara t-tibdil f’dan is-settur. U fil-fatt, kien fid-dawl ta’ dan li l-PN ressaq mozzjoni biex dawk involuti jerfgħu r-responsabbiltà politika.
Id-deputat Rebekah Borg staqsiet min se jkun qed jerfa’ r-responsabbiltà politika meta dawk li għandhom parti mill-ħtija ta’ dak li seħħ, qed jibqgħu jaħarbu milli jagħmlu dmirhom.
Fakkret kif fil-binja ta’ Kordin ma sarux l-ispezzjonijiet li kellhom isiru, u l-bini kien qed isir mingħajr regolamenti meħtieġa.
//= $special ?>