Lokali

“Tikber l-ħtieġa li jitwaqqaf il-Kumitat tal-Parlament għall-Ġustizzja” – PN

“L-aħbar li aktar oġġetti sparixxew minn idejn l-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qrati hija konferma oħra li sitwazzjoni fil-Qrati ta’ pajjiżna tinsab fi kriżi u f’xifer il-kollass.”

Kien dan li ħareġ minn stqarrija miktuba mix-Shadow Minister għall-Ġustizzja, Karol Aquilina f’isem il-Partit Nazzjonalista fejn kompla li l-Ministru Jonathan Attard għandu jerfa’ r-responsabbiltà politika għall-kriżi li tinsab fiha s-sistema tal-Ġustizzja f’pajjiżna billi jirriżenja minn Ministru. Wara sentejn mill-ħatra ta’ Jonathan Attard bħala Ministru għall-Ġustizzja, minflok twettaq titjib kif inhu meħtieġ, is-sistema tal-Ġustizzja f’pajjiżna marret għall-agħar u issa tinsab fi kriżi. 

L-istqarrija tgħid li pajjiżna m’għandux bżonn Ministru għall-Ġustizzja li jibqa’ ċass quddiem din is-sitwazzjoni gravi. Pajjiżna għandu bżonn Ministru għall-Ġustizzja li jieħu azzjoni biex is-sistema tal-ġustizzja f’pajjiżna ssir waħda serja, ġusta, effiċjenti u effettiva.

Il-Partit Nazzjonalista jinsisti dwar il-proposta tiegħu ppreżentata f’Novembru 2023 li l-Parlament jkollu Kumitat Permanenti għall-Ġustizzja li jistħarreġ u jindirizza s-sitwazzjoni gravi li tinsab fiha s-sistema tal-ġustizzja f’pajjiżna. Fost oħrajn dan il-Kumitat ikun f’pożizzjoni li jsejjaħ quddiemu kemm lill-Ministru għall-Ġustizzja kif ukoll lil dawk fdati bit-tmexxija tal-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qrati biex jerfgħu r-responsabbilitajiet tagħhom fil-qasam tal-Ġustizzja.