Filmati minn cameras tas-CCTV wasslu biex jibdew proċeduri kontra żagħżugħ ta’ 19-il sena minn Ħal Qormi mixli li ta n-nar erbgħa għelieqi f’Ħal Qormi fis-sajf li għadda. Ir-rapporti mis-sidien vittmi ta’ dan il-ħruq saru f’perjodi differenti u dan għaliex kien hemm min ma ndunax mill-ewwel u kien ukoll min kien imsiefer meta l-għelieqi ngħataw in-nar.
Il-filmati juru persuna bir-rota fejn l-għelieqi tagħti n-nar fejn din kienet liebsa wkoll arloġġ issikkat u fuq in-naħa ta’ fuq tal-id, liema arloġġ ġie kkonfiskat mill-Pulzija biex jintuża bħala prova. Dan ħareġ mix-xhieda tal-Ispettur James Mallia li qal li għelieqi inkwistjoni iinsabu f’Ħal Qormi stess fl-inħawi magħrufa bħala Tal-Ħlas u Wied Is-Sewda.
Sebastian Chircop, li wieġeb mhux ħati tressaq il-Qorti b’ċitazzjoni, bl-Ispettur Mallia jgħidlu waqt l-interogazzjoni – “Ma ħadtx gost naħraq, iżda ħassejt li kelli nkompli. Fis-seduta kien hemm preżenti l-allegati vittmi fejn wieħed minnhom xehed fil-Qorti u qal li l-għalqa tiegħu spiċċat distrutta.
L-Avukat Martin Fenech, li deher għal Chircop bħala avukat tal-għajnuna legali kkontesta t-talba tal-prosekuzzjoni fuq il-prima facie u talab li l-ewwel għandu jixhed il-psikjatra Joe Vella Baldacchino. L-Avukat Patrick Valentino li deher għall-allegati qal li d-difiża trid tagħti r-raġunijiet tagħha, għaliex kienet qed topponi l-prima facie, u jekk din taħseb li l-akkużat għandu xi problemi mentali, din għandha ssir fit-talba.
“Ma nafx x’se jgħid eżatt il-psikjatra qal l-Avukat Fenech, li ppreżenta ċertifkat tal-psikjatra Vella Baldacchino lill-Maġistrat Nadine Lia, li minn naħa tagħha qalet li ċ-ċertifkat kull ma jgħid li qed jingħata l-kura u li sejjer tajjeb. Hija laqgħet it-talba tal-prosekuzzjoni u ddikjarat li hemm provi biżżejjed biex l-akkużat jitqiegħed taħt att ta’ akkuża.
Fost l-affarijiet li nqerdu fl-għelieqi kien hemm għalf tal-annimali li jinkludi tiben taż-żwiemel u anke nħarqu diversi pallets tal-injam. L-Ispettur Mallia qal li matul ix-xahar ta’ Ġunju saru erba’ rapporti li kien hemm diversi ‘arsons’
F’rapport minnhom qal ix-xhud wieħed mis-sidien tal-għalqa ippreżenta filmat, lill-Pulizija, u li l-Ispettur ppreżenta l-filmat lill-Qorti. L-Ispettur qal li meta raw il-filmat indunaw li l-persuna isuq ir-rota kien Sebastian Churcip, li kien imur ta’ spiss l-Għassa ta’ Ħal Qormi u jistaqsi jekk hemmx xi rapport fuqu.
Ix-xhud qal li meta bgħatu għalih għażel lill-Avukat tal-Għajnuna Legali, li kien Dr. Martin Fenech u wara li tlkellem mal-avukat, l-Ispettur qal li bagħat għal Chircop li rrilaxxa stqarrija fejn hemmhekk fejn wara li reġa’ tah id-drittijiet legali tiegħu, hu ammetta u qallul “ma ħassejtx pjaċir imma ridt inkompli inqabbad”. Kien ikkonferma wkoll miegħu li kien ta n-nar lill-għelieqi f’okkażjoni waħda.
Minn dak li qalu s-sidien tal-għelieqi ħareġ li dawn kienu miżbura. Xhedet ukoll il-kuntistabbli Sarah stazzjonata fl-għassa ta’ Ħal Qormi li qalet li kien hemm żewġ rapporti marbutin ma dan il-każ. Qalet ukoll li hi taf lill-akkużat li kien jistaqsi fuq rapporti li seta’ kien hemm fuqu fejn ta’ spiss kien imur l-Għassa. Qalet li hu bniedem kwiet u qatt m’għaddielhom minn moħħom li seta’ kien involut.
Il-Prosekzzjoni tmexxiet mill-Ispettur James Mallia mgħejjuna mill-Avukati Claire Sammut u Daniel Tabone mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. L-Avukat Martin Fenech deher għal Chircop filwaqt li l-Avukat Patrick Valentino li deher għan-nom tas-sidien tal-għelieqi. Il-każ jissokta fit-18 ta’ April fid-9am.