Lokali

Debattista jgħid li min ma jammettix li żbalja m’għandux jingħata ‘a second chance’

“Jekk persuna ma tindimx u ma tammettix li żbaljat hemm għandi issue”

Konferma li hemm diżgwid intern fi ħdan il-Partit Laburista.

Dan hekk kif waqt li d-Deputat Laburista u Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista Randolph Debattista kien qed jiġi intervistat minn Andrew Azzopardi fuq l-RTK b’mod ċar wera li preżentament ftit li xejn jaqbel ma’ ċertu deċiżjonijiet li ħa fl-aħħar xhur il-Prim Ministru Robert Abela.

Dan hekk kif mistoqsi dwar il-fatt li l-Mexxej tal-Labour iddeċieda li jiftaħ il-bibien beraħ tal-Partit lura għall-eks deputat Laburista Rosianne Cutajar, u Justyne Caruana – Debattista saħaq li filwaqt li jemmen li jingħata ċans ieħor lil dak li jkun….jekk xi ħadd żbalja u ma jammettix jew jgħid li qed jaqbdlu miegħu m’għandux jiddaħħal lura.

Botta ċara u tonda għal Rosianne Cutajar li sal-lum il-ġurnata għadha ma ammettietx b’mod pubbliku n-nuqqasijiet tagħha. F’chats man-negozjant Yorgen Fenech, sid il-kumpanija 17 Black, fost oħrajn kienet saħqet li kulħadd kien qed jitħanżer…u li kienet se tagħmel bħalhom – fejn sussegwentament aċċettat l-impjieg fantażma ta’ konsulenza mal-ITS kkundannat mill-NAO.

Randolph Debattista sostna li xi Deputati Laburisti saħansitra qalulu li jista’ jkun hu li jispiċċa fuq ilsien in-nies għal deċiżjonijiet żbaljati li jkun ħa….u insista li jekk ikun għamel ċertu żbalji …bħal ma ta x’jifhem li saru….ma jridx appoġġ iżda ħidma tal-ġurnalisti. 

Mistoqsi jaqbilx li l-eks Prim Minsitru u eks Mexxej tal-Labour Joseph Muscat jitħalla jikkontesta għall-Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, Randolph Debattista saħaq li x’jaħseb hu jiddiskutih internament – u jekk hux ħiereġ jew le, gwida lil Azzopardi jistaqsi lil Muscat nnifsu.

Intant filwaqt li reġa’ insista li jħossu jistħi li vvota kontra l-inkjesta pubblika b’rabta mal-mewt ta’ Jean Paul Sofia huwa sostna li ma jaqbilx li l-Ministri responsabbli għandhom jirriżenjaw madanakollu saħaq li jekk ir-rakkomandazzjonijiet tal-inkjesta ma jitwetqux għandhom iwarbu.