Lokali

Il-Partit Nazzjonalista ser jibqa’ jaħdem sabiex il-politiċi jerfgħu r-responsabbiltà ta’ għemilhom

“Il-Partit Nazzjonalista ser jibqa jaħdem sabiex il-politiċi jerfgħu r-responsabbiltà  ta’ għemilhom. Dan filwaqt li r-rakkomandazzjonijiet li ħarġu mir-rapport għandhom jiġu attwati minnufih u mhux jitħallew fuq l-ixkaffa.”

Hekk stqarr il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech f’intervista li saritlu is-Sibt filgħodu minn Andrew Azzopardi fuq l-istazzjon tar-radju RTK.

Dan b’rabta mar-rapport tal-inkjesta pubblika dwar il-każ ta’ Jean Paul Sofia li ġie ppubblikat ġimgħatejn ilu u kkonkluda li l-Istat huwa responsabbli għal dan l-inċident traġiku li ħataf il-ħajja taz-zagħzugh.  

Bernard Grech fakkar kif Robert Abela baqa’ jistina rasu ma’ Isabelle Bonnici, u baqa’ jirrestisti l-inkjesta Pubblika. Izda bl-appogg kollu tal-poplu Malti u tal-PN, Isabelle rnexxielha ddawwar deċiżjonijiet tal-Gvern, fosthom dik dwar l-Inkjesta Pubblika b’rabta mal-mewt ta’ Jean Paul Sofia.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista innota wkoll li l-kultura ta’ impunità li kienet imrawma minn Joseph Muscat, għadha tirrenja sew taħt Robert Abela. Tant hu hekk, li għalkemm saret inkjesta pubblika dwar il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, u ħarġu diversi rakkomandazzjonijiet li l-Gvern kellu jimplimenta minnufih, anka fil-każ ta’ Sofia – dawn tħallew fuq il-mejda.

Bernard Grech  semma kif bħal ma ġie konkluż fl-inkjesta pubblika b’rabta mal-kaz ta’ Jean Paul Sofia, f’pajjiżna hemm bżonn rieda politika ċara, u l-bniedem politiku għandu jagħti kenn u serħan il-moħħ lill-persuni bla vuci.

Intant, Bernard Grech fakkar li Nhar il-Ħamis li ġej fil-Parlament ser jittieħed vot ta’ sfiduċja fil-konfront tal-Ministri Stefan Zrinzo Azzopardi, Miriam Dalli u Silvio Schembri u insista illi qatt ma jista’ jaċċetta li ħadd ma jerfa’ r-responsabbiltà politika …. meta kien hemm Ministri li suppost kienu qed jassiguraw li jsir xogħol tajjeb.

Meta kien mistoqsi dwar il-ħatra tal-Presidenza, Bernard Grech insista li għandna bżonn President illi jixraq lil pajjiżna, u li jixpruna r-riformi kollha meħtieġa.