Lokali

Il-President George Vella jibda żjara fil-Ghana

Wara ċ-ċerimonja uffiċjali, il-President George Vella u l-President tal-Ghana kellhom taħditiet uffiċjali li matulhom affermaw mill-ġdid ir-relazzjonijiet bilaterali b’saħħithom bejn Malta u l-Ghana.

Fl-ewwel jum ta’ din iż-żjara uffiċjali…il-President Vella tkellem wkoll dwar it-twaqqif ta’ Kummissjoni Konġunta biex timplimenta progress f’oqsma ta’ interess – bħall-edukazzjoni għolja, is-sajd, l-agrikoltura, is-servizzi finanzjarji, is-servizzi tal-ajru u s-settur tal-ospitalità.

Fir-rigward tal-kooperazzjoni reġjonali, il-President Vella qal li Malta tibqa’ tappoġġja b’mod qawwi u attiv ir-relazzjoni pożittiva u kostruttiva bejn il-Ghana u l-Unjoni Ewropea. Il-President irrimarka wkoll li l-Ghana hija eżempju ta’ stat tad-dritt, ta’ stabbiltà u demokrazija fl-Afrika tal-Punent.

Waqt it-taħditiet uffiċjali, il-President Vella u l-President tal-Ghana iddiskutew l-immigrazzjoni; kwistjoni ta’ interess reċiproku kemm għal Malta kif ukoll għall-Ghana. Id-diskussjonijiet iffukaw ukoll fuq kwistjonijiet multilaterali, fejn il-President Vella enfasizza l-impenn ta’ Malta li tisfrutta bis-sħiħ il-potenzjal fi ħdan il-familja tan-nazzjonijiet tal-Commonwealth, li fiha kemm Malta kif ukoll il-Ghana huma membri rispettati.

Intant, matul il-jum, il-Presidenza u s-Sinjura Vella żaru l-post fejn hemm midfun l-ewwel President tal-Ghana.