Futbol Sport

Kai Havertz ipoġġi lil Arsenal momentarjament fl-ewwel post

(Ritratt: EPA)

Arsenal kisbu rebħa diffiċli ta’ 2-1 fuq Brentford permezz ta’ gowl lejn it-tmiem ta’ Kai Havertz. Declan Rice poġġa lil Gunners fil-vantaġġ wara 19-il minuta. Brentford ġabu l-iskor indaqs ftit sekond l-bogħod minn tmiem l-ewwel taqsima permezz ta’ Yoane Wissa. Arsenal skorjaw il-gowl tar-rebħa erba’ minuti mit-tmiem permezz ta’ Kai Havertz.

Żewġ penalties fl-ewwel taqsima kienu biżejjed biex Manchester United kisbu rebħa ta’ 2-0 fuq Everton. Il-protagonist fir-rebħ ta’ dawn iż-żewġ penalties kien il-winger Arġentin Alejandro Garnacho u kienu Bruno Fernardes u Marcus Rashford li minn ħdax-il metru ma żbaljawx.

Wolves komplew isaħħu t-tamiet tagħhom li fl-istaġun li ġej jilagħbu f’kompetizzjoni Ewropeja b’rebħa ta’ 2-1 fuq Fulham. Ryan Ait-Nouri poġġa lil Wolves fil-vantaġġ fit-52 minuta. Awto-gowl ta’ Tom Cairney għamilhom 2-0 b’gowl fl-aħħar sekonda ta’ Alex Iwobi għamel l-iskor finali 2-1.

F’partita minn naħa t’isfel tal-klassifika, Crystal Palace u Luton Town temmew fi draw ta’ 1-1. Palace fil-vantaġġ wara 11-il minuta permezz ta’ Jean-Philippe Mateta. Luton ġabu l-iskor indaqs fis-96 minuta permezz ta’ Cauley Woodrow.

F’partita oħra, Bournemouth u Sheffield United temmew fi draw ta’ 2-2. Dominic Solanke kellu ċ-ċans li jpoġġi lil Bournemouth fil-vantaġġ iżda naqas milli jiskorja minn penalty. Sheffield rrispondew u marru huma fil-vantaġġ fis-27 minuta permezz ta’ Gustavo Hamer. Jack Robinson għamilhom 2-0 fl-64 minuta. Ir-rimonta ta’ Bournemouth bdiet fl-74 minuta permezz ta’ Dango Ouattara biex lejn it-tmiem kien Enes Unal li għamilhom 2-2.