“Il-Maġistrat Elaine Rizzo sabet li Richard Bilocca għandu jitressaq il-Qorti”
Kważi sena ilu l-Maġistrat Elaine Rizzo prattikament gwidat lill-Avukat Ġenerali Victoria Buttigieg biex jinġabru numru ta’ persuni u jittieħdu passi kriminali fil-konfront tagħhom fosthom il-Kap Eżekuttiv ta’ WasteServ Richard Bilocca – madanakollu sal-lum għal xi raġuni għadu ma seħħ xejn.
Sostna dan l-Avukat Jason Azzopardi meta kien qed jiġi intervistat waqt il-programm radjufoniku ta’ Andrew Azzopardi fuq l-RTK fejn intqal kif il-Maġistrat Elaine Rizzo temmet l-inkjesta Maġisterjali tagħha b’rabta mal-mewt ta’ Joseph Ellul li f’Mejju tal-2022 kien miet fuq il-lant tax-xogħol fil-biċċerija.
Matul l-intervista, Jason Azzopardi ppreżenta dak imsejjaħ bħala l-proċess verbal fejn fil-konklużjonijiet tagħha – ippreżentati f’April tal-2023, il-Maġistrat kienet ċara li fost 5 persuni li għandhom jiġu akkużati li b’nuqqas ta’ ħila u jew tħaris tar-regolamenti waslu għal mewt tal-vittma – hemm il-Kap Eżekuttiv ta’ WasteServ Richard Bilocca – hekk kif qed jiġi akkużat li b’nuqqas ta’ ħsieb, bi traskuraġni jew b’nuqqas ta’ ħila fil-professjoni tieħgu wassal huwa wkoll għal mewt ta’ Ellul.
Fix xhieda tiegħu Bilocca kien saħaq li t-taħriġ li kienu rċevew il-ħaddiema fuq kif kien jitħaddem l-impjant kien biżżejjed….u li ma kienx hemm bżonn ta’ aktar aġġustamenti fl-impjant u magni. Dan filwaqt li saħaq li skont hu dan l-inċident sar minħabba dak li ddeskrivieh bħala att stupidu.
Fil-kummenti tagħha, l-Maġistrat Rizzo saħansitra saħqet li kien hemm ukoll suspett ta’ sperġur, ċioè xhieda falza, minn numru ta’ xhieda biex ifixklu l-investigazzjonijiet.
Intant, l-Avukat Jason Azzopardi – flimkien ukoll mal-perplessità tal-preżentatur Andrew Azzopardi, insista li ma jistax jifhem kif b’akkużi serji bħal dawn b’rabta ma’ mewt ta’ persuna fuq il-lant tax-xogħol…Victoria Buttigieg…jew saħansitra l-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà għadhom ma ħadux il-passi neċessarji kollha….sena wara mill-preżentazzjoni tal-proċess verbal.
B’rabta ma’ dan kollu l-qraba ta’ Ellul, li tilef ħajtu fl-età ta’ 38 sena, lura f’Diċembru fetħu kawża kontra l-WasteServ sabiex ifittxuha għad-danni b’rabta mal-mewt tiegħu fit-Thermal Treatment Facility fil-Marsa.
Xhur ilu, l-entità governattiva kienet saħqet li l-impjegati għandhom ikunu meqjusa bħala preżunti innoċenti.
//= $special ?>