Lokali

Żagħżugħ bi ġrieħi gravi wara argument fil-Belt Valletta

Il-Pulizija għaddejja bi tfitxxija għall-persuna

Żagħżugħ mill-Belt Valletta ġie ċċertifikat li ġarrab ġrieħi gravi wara li għall-ħabta tas-sagħtejn u kwart tas-Sibt filgħodu nstab mill-Pulizija fi Triq id-Dejqa fil-Belt Valletta.

Mill-ewwel indikazzjonijiet jidher li ftit tal-ħin qabel kien seħħ argument bejn iż-żagħżugħ ta’ 25 sena u raġel li l-identità tiegħu għadha mhux magħrufa fejn allegatament intużat tazza tal-ħġieġ.

Filwaqt li l-allegat aggressur ħarab minn fuq il-post u t-tfittxija għalih għadha għaddejja – l-vittma ttieħed fl-eqreb ċentru tas-saħħa għal aktar kura fejn ġie ċċertifikat bi ġrieħi gravi.

Sorsi ta’ min jorbot fuqhom saħqu li l-vittma kien qiegħed ikanta fi stabbiliment tad-divertiment fiż-żona meta raġel allegatament ta’ nazzjonalità barranija insulentah – kien ftit tal-ħin wara l-inċident inizjali li dan ir-raġel kien aggressiv fil-konfront taż-żagħżugħ li wassal sabiex allegatament tah daqqa ta’ tazza f’rasu.