Internazzjonali

Gaza: Ix-xahar tar-Ramadan mistenni jżid it-tensjoni….u anki l-vjolenza

Il-poplu Iżraeljan u l-Palestinjani jinsabu ferm ansjużi mal-bidu, illum, tar-Ramadan li hu x-xahar qaddis għall-Iżlamiċi kollha tad-dinja…Dan meta r-Ramadan ta’ din is-sena jista’ anki jkun karatterizzat minn spinta kbira ta’ vjolenza meta ma hemm l-ebda sinjal li jista’ ikun qrib xi waqfien mill-ġlied bejn Iżrael u t-terroristi tal-Ħamas.

Fl-istess ħin, it-Tmexxija tal-Ħamas qed issejjaħ għal mewġa ta’ dimostrazzjonijiet ta’ protesta madwar id-Dinja Iżlamika bħala turija ta’ għadab għall-offensiva militari tal-Iżraeljani fuq Gaza…Offensiva li ilha għaddejja minn Ottubru.

Naqsu ħafna t-tamiet dwar waqfien mill-ġlied potenzjali f’Gaza għal matul il-jiem li ġejjin u speċjalment ladarba l-President tal-Istati Uniti, Joe Biden, esprima d-dubji konsiderevoli li jista’ iseħħ xi ftehim bejn Iżrael u l-Ħamas.

Biden, fl-istess ħin, qal li qed jinkwieta ħafna dwar il-potenzjal ta’ vjolenza ġdida għal waqt ir-Ramadan –  avveniment li kull sena ‘jixgħel id-dawl’ fuq il-kontroll tal-Iżraeljani fuq il-kumpless għad-devozzjoni fil-Kwartieri Antiki ta’ Ġerusalemm… Il-kumpless — magħruf bħala  al-Haram al-Sharif mal-Musulmani u t-Tempju ta’ fuq l-Għolja fost il-Lhud – jinkludi fih il-moskea al-Aqsa  li hi t-tielet l-aktar sit reliġjuż importanti għall-Musulmani wara Mekka u Medina.

Il-Ħamas, intant, qed jgħidu li r-rejds tal-pulizija fuq din il-moskea, fl-2022 u l-2023, kienu r-raġuni għall-attakki storiċi tas-7 ta’ Ottubru mit-terroristi fuq il-komunitajiet ta’ Iżrael u fejn inqatlu u ndarbu l-mijiet — b’mijiet oħra tal-Iżraeljani jinħatfu ostaġġi.

Fl-istess ħin, il-Ħamas, issa, qed jipprova jimmobilizza lill-Palestinjani u l-Musulmani madwar id-dinja biex jingħaqdu f’leħen wieħed dwar ‘id-dritt għall-aċċess lejn il-kumpless reliġjuż ta’ Ġerusalemm matul ir-Ramadan.’

Il-kelliema għall-fergħa armata tal-Ħamas anki ħarġu stqarrija uffiċjali fejn huma referew għar-Ramadan bħala ‘ix-xahar tar-rebħa minbarra li wkoll ix-xahar tal-ġiħad’ –kelma li tfisser gwerra reliġjuża. L-istqarrija kompliet li l-Ħamas qed jiddefendi l-unur tal-Musulmani kollha f’Gaza u madwar id-dinja – u fost l-insistenza li ‘il-moskea ta’ Al Aqsa hi tal-Musulmani u tal-Musulmani biss.’

L-istqarrija ħarġet jiem wara li Ismail Haniyeh – il-kap politiku tal-Ħamas li qed jgħix f’eżilju fil-Qatar – ħeġġeġ lill-gruppi Iżlamiċi fil-Lvant Nofsani, ħafna minnhom appoġġjati mill-Iran, biex iżidu l-attakki fuq l-Iżraeljani matul ir-Ramadan.

Sadanittant, Iżrael mhux lest li jnaqqas mill-intensità tal-gwerra fuq il-Ħamas – u meta kollox jista’ iseħħ wara li l-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu, informa lill-kadetti militari li Iżrael se jippersisti b’offensiva tal-art fuq l-inħawi ta’ Rafah…Inħawi li huma l-aħħar zona ta’ sigurtà għaċ-ċivili u refuġjati Palestinjani fil-Medda ta’ Gaza.