“Fit-8 ta’ Ġunju oħroġ ivvota għal politiċi onesti tal-Partit Nazzjonalista biex tassigura futur aħjar għalik u għal familja tiegħek f’pajjiżna u fl-Ewropa.”
Kien dan li qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech waqt attività politika li saret dalgħodu fi Ġnien l-Istazzjon, Birkirkara fejn indirizza bosta temi kurrenti li qed jaffetwaw lis-soċjetà Maltija bħala parti miż-żjarat li qed jagħmel Bernard Grech kull nhar ta’ Ħadd biex jiltaqa’ mar-residenti f’lokalitajiet differenti.
Bernard Grech qal kif 21 sena wara li dħalna fl-Unjoni Ewropea, din għadha tgħati lura ħafna lill-gżejjer Maltin – Unjoni Ewropea li tgħat valur b’saħħtu lil pajjiżna.
Bernard Grech qal li l-futur ta’ dan il-pajjiż – il-persuni li tgħażel fil-lokalità tiegħek, u biex tkun rappreżentat l-aħjar fil-Parlament Ewropew – hi f’idejk għaliex Malta u l-Ewropa hi tiegħek. Huwa qal li din id-deċiżjoni tista’ tittieħed fit-8 ta’ Ġunju billi kull individwu joħroġ jivvota sabiex juri li jrid politiċi onesti u li jistgħu jkunu l-vuċi tiegħek.
Il-Kap tal-PN kompla jgħid li huwa se jibqa’ hemm flimkien mal-membri kollha tal-Partit biex jassigura li l-poplu Malti u Għawdxi jieħu dak li hu tiegħu bi dritt. Huwa għamel referenza għall-Inkjesta Pubblika ta’ Jean Paul Sofia fejn qal li “l-ebda intimidazzjoni, aljenazzjoni, attakki mhux se jwaqqfuna biex inkunu t-tarka għas-sewwa, għal Isabelle Bonnici, għall-vulnerabbli, inkunu vuċi għal dawk li ma jistgħux ikollhom vuċi.”
Bernard Grech qal li l-Gvern Laburista qed imexxi u allura għandu jkun propju hu li jieħu r-responsabbiltà meta jiġri xi ħaġa ħażina li tkisser lill-poplu Malti.
B’referenza għal dak li ntqal fl-Inkjesta Pubblika, Bernard Grech qal li huwa ċar kif Robert Abela u sħabu huma responsabbli għaliex naqqsu milli jipprovdu dak kollu meħtieġ għas-sigurtà fis-settur tal-kostruzzjoni.
“Għalhekk se nkunu u se nibqgħu nkunu l-vuċi għall-vulnerabbli, kif għamilna meta tgħajna soluzzjonijiet għall-għoli tal-ħajja – xi ħaġa li għaliha l-Gvern ta’ Abela m’għamel assolutament xejn,” qal Bernard Grech.
Il-Kap tal-PN kompla li wieħed irid ikun sensittiv għal dak li qed iħossu n-nies, xi ħaġa li żgur mhux forsi mhux qed jagħmilha Robert Abela u sħabu.
//= $special ?>