Knisja Kultura Lokali

Kappillan ġdid għall-parroċċa tal-Imqabba

L-Arċisqof Charles Scicluna qed jafda l-ħidma pastorali tal-parroċċa ta’ Santa Marija
fl-Imqabba f’idejn Dun Blake Camilleri bħala l-kappillan ta’ din il-parroċċa. Mons.
Arċisqof jirringrazzja lil Dun John Philip Curmi tal-ħidma tiegħu bħala kappillan f’din
il-parroċċa għal dawn l-aħħar 10 snin.

Dun Blake Camilleri twieled fit-8 ta’ Mejju 1984. Beda l-mixja għas-saċerdozju
fis-Seminarju Maġġuri tal-Arċisqof f’Tal-Virtù fir-Rabat u studja fil-Fakultà
tat-Teoloġija fl-Università ta’ Malta minn fejn iggradwa fil-Filosofija u t-Teoloġija.
Kiseb ukoll Liċenzjat fit-Teoloġija Pastorali. Fl-2015 kompla l-istudji tiegħu
fil-Diplomazija u Liġi Kanonika fl-Accademia Pontificia Ecclesiastica f’Ruma.


Dun Blake ġie ordnat saċerdot fit-23 ta’ Ġunju 2010. Matul is-snin huwa ġie fdat
dawn il-ħidmiet: djaknu u mbagħad viċi arċipriet fil-parroċċa ta’ Marija Mtellgħa
s-Sema fil-Mosta (2009-2015); viċi arċipriet fil-parroċċa ta’ Ħaż-Żebbuġ (2017); u
kappillan ta’ Tal-Ibraġ (2017-2024). Fl-2023 huwa nħatar bħala eżorċista awżiljarju.
Il-parroċċa ta’ Santa Marija fl-Imqabba tiġbor fiha madwar 3,500 persuna.